Barranin
RITRATTI: X’għamlu l-partitarji Ġappuniżi wara r-rebħa fuq il-Kolumbja

Wara logħba emozzjonanti tat-Tazza tad-Dinja bejn il-Ġappun u l-Kolumbja, l-istands fejn kien hemm il-partitarji taż-żewġ naħat, kif jiġri f’kull partita, ikunu mimlijin skart.

Iżda l-partitarji Ġappuniżi wara r-rebħa tat-tim nazzjonali tagħhom fuq il-Kolumbja bl-iskor ta’ 2-1, minflok marru jiċċelebraw, qagħdu jnaddfu l-istands minn fejn kienu qed isegwu l-partita f’Mordovia Arena fil-belt Russa ta’ Saransk.

B’boroż kbar tal-iskart, il-Ġappuniżi bdew iduru mas-siġġijiet tal-ground u jiġbru l-karti tal-ikel, it-tazzi tal-plastik u skart ieħor li ntrema’ waqt il-partita.  F’qasir ħin, l-istadium kien nadif tazza u lest għall-partita li jmiss tintlagħab.

L-indafa hija parti mill-kultura Ġappuniża tant li min jafhom sew ma kienx sorpriż bl-aġir tal-partitari tat-tim nazzjonali tas-Samuraj Blu (kif inhuma magħrufa wkoll il-plejers Ġappuniżi).