Infrastruttura
Riżoluzzjoni għall-investiment ta’ €55 miljun biex tinbena lukanda ta’ 5 stilel

Il-Kamra tar-Rappreżentanti approvata riżoluzzjoni biex jinbidlu kundizzjonijiet f’kuntratti li kienu saru bejn il-Gvern u l-kumpanija Fortel – sid tal-lukanda Fortina fis-snin disgħin u fis-sena 2000.

Ir-riżoluzzjoni kienet approvata wara li ttieħed vot bl-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-prezz involut.

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Infrastruttura, Chris Agius fisser illi xi kundizzjonijiet se jinbidlu biex il-kumpanija tagħmel investiment ta’ 55 miljun ewro biex tinbena lukanda ġdida ta’ ħames stilel u faċilitajiet oħra kummerċjali.

Qal li waqt li kumpanija tal-awdituri ivvalutat il-bdil tal-kundizzjonijiet għall-valur ta 2.75 miljun ewro, 3 periti tal-Awtorità tad-Djar għamlu valutazzjoni ta’ aktar minn tmin miljun ewro li se jitħallas lill-Gvern.

Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li kollox kien qed isir bi trasparenza u kontabilità kontra dak li sar minn gvern Nazzjonalista fit-trasferiment ta’ proprjetà fil-każijiet ta’ Spinola, tal-MIDI u tal-Lowenbraw fejn l-Awditur Ġenerali sab xamma ta’ korruzzjoni. Huwa qal li art li qabel il-kumpanija kellha tħalli għal pitch tal-boċċi żdiedet għal aktar minn elfejn metru kwadru e se tkun għall-użu pubbliku.

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li ħadd mhuwa kontra n-negozju iżda art qed tinbiegħ bil-ħbub meta mqabbel mal-prezz tas-suq. Huwa allega li l-Parlament qed jintalab japprova ħniżrijiet.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li jirrappreżenta lill-Oppożizzjoni fuq l-Awtorità tal-Artijiet qal li valutazzjoni ta’ 12-il miljun ewro nbidlet għal waħda ta’ tmien miljuni mingħajr ma ttieħdet deċiżjoni mill-bord tal-gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saqsa jekk il-Gvern kienx qed jiddisponi mid-dritt tiegħu fuq proprjetà bil-valur tas-suq. Qal li l-Gvern flok qed jagħti l-art għal turiżmu ta’ kwalità qed jagħtiha għal skop ta’ spekulazzjoni.

L-avukat Delia qal li skont is-suq dik l-art illum iġġib 10 darbiet il-prezz ivvalutat mill-Gvern. Huwa sostna illi l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-prezz meta wieħed iqis iż-żona fejn qiegħda u l-iskop li għalih se jinbidlu l-kundizzjonijiet. Huwa qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tifli kull kuntratt u kull negozju li jagħmel il-Gvern biex tara li l-poplu jikseb l-aħjar prezz fl-interess tal-pajjiż u mhux tal-ispekulaturi.

Għalaq id-diskussjoni, il-Ministru ghall-Infrastruttura, Trasport u Proġetti Kapitali Ian Borg li qal li b’riżultat tar-riforma li wettaq il-Gvern meta ħoloq l-Awtorità tal-Artijiet ma kien hemm l-ebda indħil politiku kif kien isir fl-imgħoddi taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Huwa akkuża lid-Deputat Callus li naqas mid-dmir tiegħu li jikkummenta fuq l-istima tal-periti fl-Awtorità tal-Artijiet meta huwa wieħed mill-Gvernaturi tal-istess awtorità.

Il-Ministru Borg innota li l-kelliem tal-Oppożjoni fuq l-Awtorità tal-Artijiet ma tkellmitx fuq din il-riżoluzzjoni. Huwa saħaq li l-art hija waħda privata u nbidlu l-kundizzjonijiet ta’ parti żgħira mill-art privata.

Il-Ministru Borg qal li l-art inxtrat mingħand il-privat u mill-Gvern is-snin disgħin u fis-sena 2000. Saħaq li din hija art privata u l-Gvern qed jifdi kundizzjoni fuq parti żgħira mill-istess art. Qal li l-prezz mitlub huwa l-ogħla li qatt intalab għal kull metru kwadru. Qal li ħadd ma kkritika l-istima tat-tliet periti serji tal-Awtorità, fosthom perit tal-Qorti.

Intant il-Kamra tad-Deputati aġġornat għall-btajjel tas-sajf u se tiltaqa’ t-Tnejn is-7 ta’ Ottubru.

 

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

F’rapport li jsir kull ħames snin dwar l-istat tal-ambjent fil-pajjizi Ewropej jghid li jeħtieġ soluzzjonijiet fundamentali fl-għaxar snin li ġejjin biex jiġi evitat tibdil fil-klima li iwassal għall-temperaturi għoljin estremi….

Kisbiet

L-atti notarili tan-nutar Paolo Bonello li għex fis-seklu ħmistax, servew ta’ punt ta’ tluq għal sistema bbażata fuq intelliġenza artifiċjali msejħa Notary Pedia. L-istudenta tal-Masters fl-intelliġenza artifiċjali fl-Università ta’ Malta…

Annimali

Jingħad li l-kelb huwa l-aqwa ħabib li l-bniedem jista’ jkollu iżda għal persuni neqsin mid-dawl, bil-kundizzjoni tal-awtiżmu jew diabete kelb jaf ikun bastun tad-demm u l-laħam. Aktar kmieni din il-ġimgħa…

Lokali

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna t-theddid li sar fuq ġurnalista aktar kmieni llum. Fi stqarrija l-IĠM qal li ġie infurmat li ġurnalista għamlet rapport lill-Pulizija wara li rċeviet ittra ta’…

Aktar