Politika
“Robert Abela mexxa daqslikieku kien dejjem hemm” – il-PL

Il-Partit Laburista qal li fl-ewwel sena tiegħu, il-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela dejjem iddeċieda kull meta kien hemm bżonn, u mexxa daqslikieku minn dejjem kien hemm. F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef u Rebecca Buttigieg, ingħad li minkejja sfidi globali, il-Gvern immexxi minn Robert Abela wettaq riformi f’oqsma kruċjali u baqa’ jġedded lill-Partit Laburista. Madankollu għarfu li għadd madankollu hemm weġgħat li jrdu jiġu inidirizzati.

Il-Perit Micallef qal li matul din is-sena, il-Prim Ministru nieda viżjoni għall-futur msejsa fuq ħames pillastri: governanza tajba, it-tkabbir ekonomiku, l-edukazzjoni għal ekonomija b’saħħitha fit-tul, titjieb fl-infrastruttura u l-mira ambjentali li l-pajjiż ikun ‘carbon neutral’ sal-2050. Qal li l-ħidma fuq din il-viżjoni beda b’mod immedjat waqt li l-pajjiż għaddej minn pandemija u minkejja dan f’Malta qatt ma sar lockdown nazzjonali bħalma sar f’pajjiżi oħra u bħalma kienet l-unika soluzzjoni mgħaġġla u bla pjan li kien qed jipproponi ħaddieħor sa ftit xhur ilu.

Għamel referenza wkoll għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-mitt sena mit-twaqqif tal-Partit Laburista, li kellhom isiru bi programm imċekken minħabba l-pandemija. Qal li d-deċiżjonijiet li ttieħdu matul din is-sena jirriflettu l-prinċipji għal xiex twaqqaf il-Partit Laburista. Deċiżjonijiet li qal kienu immirati biex isalvaw l-impjiegi u l-għajnuna indirizzata lejn dawk l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli.

Rebecca Buttigieg qalet li Robert Abela huwa mexxej sod b’kuntrast mal-kap tal-oppożizzjoni li jiddeċiedi li ma jiddeċidix, u li l-ewwel sena hija l-akbar xhieda li b’Robert Abela fit-tmexxija, il-ġejjieni tal-pajjiż huwa sabiħ.