Unjoni Ewropea
Robert Schuman, wieħed mill-fundaturi tal-UE, dikjarat venerabbli

Il-Vatikan ħabbar li l-Papa Franġisku approva d-digriet li permezz tiegħu Robert Schuman, wieħed mill-fundaturi tal-UE, ġie dikjarat venerabbli.

Imwieled fl-1886 fil-Lussemburgu imma b’ċittadinanza Franċiża, Schuman kien arrestat mill-Gestapo fl-1940 imma ħarab u għex mistoħbi sakemm spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija.

Wara l-gwerra huwa serva bħala Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza u fl-1950 ippropona li l-pajjiżi Ewropej jaqsmu r-riżorsi tal-faħam u l-azzar biex ebda pajjiż ma jkollu ħafna minn dawn ir-riżorsi meqjusa vitali għall-gwerra.

Il-jum li fih ippropona dan, jiġifieri d-9 ta’ Mejju, baqgħet tiġi iċċelebbrata sal-ġurnata tal-lum bħala Jum l-Ewropa.

Għall-ewwel l-għaqda kienet tissejjaħ il-European Coal and Steel Community u kienet tiġbor fiha sitt pajjiżi – Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Olanda – imma maż-żmien żviluppat biex saret l-UE tal-lum.

Bosta kienu l-papiet li matul is-snin faħħru l-irwol ta’ Schuman talli rnexxielu jwaqqaf il-gwerer fil-kontinent Ewropew.

Schuman, li miet fl-1963, kien magħruf għat-twemmin Kattoliku tiegħu. Biex isir beatu jeħtieġ li jkun attribwit lilu miraklu u biex isir qaddis il-Knisja trid tapprova t-tieni miraklu.