Unjoni Ewropea
Roberta Metsola eletta President tal-kumitat investigattiv dwar il-ħidma tal-Frontex

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ġiet eletta bħala l-President ta’ kumitat investigattiv li ġie inkarigat biex jinvestiga l-allegazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-irwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex).

Fi stqarrija ppubblikata fuq is-sit tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) intqal li l-ħatra tagħha kienet appoġġata minn kull grupp politiku ewlieni fil-Parlament Ewropew. Dr Metsola għandha tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew fi żmien erba’ xhur.

Dr Metsola qalet li l-kumitat se jiffoka fuq aspetti differenti, inkluż il-konformità u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; l-amministrazzjoni interna tal-Aġenzija, u l-importanza li jintlaħqu standards ta’ trasparenza u kontabilità.

Żiedet li se jkun hemm ukoll analiżi fuq jekk il-ħidma tal-Frontex taqbilx mal-valuri u l-miri tal-Unjoni Ewropea fuq dan is-suġġett.