Politika
Roberta Metsola tirbaħ it-tellieqa biex tkun il-kandidata tal-PPE għall-President tal-PE

L-ewro parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola rebħet il-kandidatura għall-elezzjoni Presidenzjali tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Popolari Ewropew (PPE).

Metsola, li kkontestat ma’ żewg ewro-parlamentari oħra, kisbet 64 % tal-voti mid-deputati ewro parlamentari tal-Partit Popolari Ewropew.

Hija kisbet 112-il vot fl-ewwel għadd tal voti li fih ivvutaw 174 membru parlamentari tal-PPE. L-Olandiża Esther de Lange kisbet 44 vot waqt li Awstrijak Othmar Karas kiseb 18-il vot.

Kien il-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber li ħabbar ir-riżultat ftit tal-ħin wara li saret l-elezzjoni fi Strasburgu.

L-elezzjoni li fiha jkun elett il-President tal-Parlament Ewropew mistennija ssir fis-17 ta’ Jannar.

Fl-ewwel reazjoni tagħha Metsola qalet li hija onorata li ntagħżlet biex tkun il-kandidata tal-PPE għall-elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew.

Hija saħqet li se taħdem ħafna biex tibni alleanzi fi ħdan il-Parlament Ewropew u nsistiet li trid li n-nies temmen fl-Ewropa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech feraħ lil Metsola għal dak li ddeskriva bħala “riżultat prestiġjuż” u qal li llum hija reġgħet għamlitna kburin li Maltin.

Huwa sostna li fl-aħħar snin hija għamlet isem għaliha u għal pajjiżna u l-votazzjoni tal-lum hija rikonoxximent għaliha, għal Malta u għall-PN.