Lokali

Robots jagħmlu r-riċerka taħt il-baħar Malti flok l-għaddasa

F’Ġunju li għadda studenti tal-inġinerija Amerikani li jispeċjalizzaw fir-Robotics kienu Malta għal erba’ ġimgħat jaħdmu fuq proġett ta’ riċerka li għandu l-għan li jiġbor data ta’ qiegħ il-baħar u minnha joħorġu mapep tri-dimensjonali.

Permezz ta’ riċerka mill-Harvey Mudd College f’Kalifornja l-Istati Uniti b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, qed isir studju ta’ żoni f’qiegħ il-baħar madwar il-gżejjer Maltin bil-għan li issir mappa tri-diminesjonali.

Dan qed isir bit-teknoloġija tar-‘robots’ mingħajr il-ħtiega ta’ bugħaddasa. It-teknoloġija tar-robot tippermetti li fost oħrajn jiġbdu l-filmati ta’ siti ta’ interess partikulari fosthom fdalijiet ta’ vapuri mgħarrqa.

“Right now we are working on using sonar and video. The idea is for the robot to do one first pass, maybe at a high level with the sonar, we call it the side scan sonar, that’s looking for anything that might look abnormal, or different from the regular sea floor. When the robot does pick up something that looks a little different, we want the robot to dive down, get closer views and capture video. With that video we can actually reconstruct in 3D visualisation of wrecks or whatever else there might be down there.”

Il-Professur Christopher Clark żied jgħid li dan il-proġett jgħin lill-arkeologi jew xjentisti li jridu jistudjaw aktar mill-qrib il-baħar, biex jippreservaw anki skavi f’qiegħ il-baħar. Qal li t-teknoloġija tar-‘robot’ li qed jintuża f’Malta qed tintuża fi proġetti oħrajn fosthom wieħed li qed isir mal-kosta ta’ Kalifornja biex jiġbor informazzjoni dwar l-imġieba ta’ klieb il-baħar.

Il-ħidma bejn il-Harvey Mudd College u d-Dipartiment tal-Arkeoloġija ilha għaddejja għal dawn l-aħħar 10 snin taħt il-kappa tal-programm Amerikan Fulbright Fellowship li permezz tiegħu sa għaxar studenti Amerikani fis-sena jiġu jqattgħu ftit ġimgħat f’Malta jistudjaw u jaħdmu fuq proġett ta’ riċerka.

Għall-Professur Clark din l-esperjenza sservi ta’ opportunità kbira għall-istudenti għax jitgħallmu affarijiet li huma barra mis-suġġetti tagħhom, bħall-arkeoloġija u l-kultura tal-Maltin. Qal li qabel din ir-riċerka, saret oħra b’robot iżgħar li studja l-mini li jgħaqqdu l-bjar taħt l-art f’diversi nħawi tal-gżejjer Maltin. Minn din ir-riċerka sar mapping ta’ kważi 70 mina.