Barranin
Ronaldo jagħti daqqa ta’ ħarta lill-Coca-Cola – il-valur tal-kumpanija jaqa’ b’$4 biljun

Il-ġurnata tal-bieraħ tibqa’ marbuta ma’ Cristiano Ronaldo. Mhux biss ilbieraħ wara l-logħba Ungerija-Portugall sar l-aktar plejer li skorja fil-kampjonati Ewropej tal-fubol u qabeż lill-plejer Michel Platini iżda jibqa’ mfakkar ukoll għad-daqqa ta’ ħarta li ta lill-kumpanija tal-Coca-Cola.

Ilbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet, Ronaldo neħħa minn quddiemu żewġt ifliexken tal-Coca-Cola. Dan wassal biex l-ishma tal-kumpanija jaqgħu b’$4biljuni. Il-Coca-Cola hija l-isponsor uffiċjali tal-kompetizzjoni.

L-ewwel kumment tiegħu waqt konferenza tal-aħbarijiet qabel l-ewwel logħba tat-tim Portugiż fil-kompetizzjoni tal-EURO 2020 kien biex wieħed jixrob l-ilma. Ronaldo huwa magħruf kemm jieħu ħsieb saħħtu u kemm għandu dixxiplina miegħu nnifsu. Fil-fatt tul il-konferenza huwa żamm quddiemu flixkun tal-ilma.

Jekk wieħed kien jiddubita kemm għandu influwenza fuq in-nies dan il-plejer, ilbieraħ ta konferma lid-dinja. Żewġ kelmiet tiegħu wasslu biex l-ishma tal-Coca-Cola jaqgħu minn $56.10 għal $55.22. Dan ifisser li waqgħu b’1.6%. Il-valur tas-suq tal-kumpanija niżel minn $242 biljun għal $238 biljun.

Min-naħa tagħha, il-kumpanija wieġbet li kulħadd għandu dritt li jixrob dak li jixtieq u li kulħadd għandu t-togħma favorita tiegħu.

Kelliem għall-kampjonat qal li fil-konferenza tal-aħbarijiet il-plejers qed jiġu offruti ilma flimkien ma’ Coca-Cola u Coca-Cola Zero Sugar.

Intant, ilbieraħ fil-logħba Portugall-Ungerija huwa skurja żewġ gowls li wassluh biex jaqbeż lil plejer Franċiż Michel Platini u bi 11-il gowl sar l-aktar plejer li skorja fil-kampjonati Ewropej tal-fubol.