Politika
AĠĠORNAT (2): Rosianne Cutajar tirriżenja minn Segretarju Parlamentari sakemm tnaddaf isimha

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ħabbret li offriet ir-riżenja tagħha mill-kariga sakemm tiddefendi ruħha minn allegazzjonijiet li saru dwarha b’rabta ma’ Yorgen Fenech. Iktar tard l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħabbar li laqa’ r-riżenja tagħha.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali s-Sinjura Cutajar qalet li fl-aħħar ġimgħat sofriet diversi attakki u kummenti li ddeskriviet bħala qarrieqa. Qalet li b’mod selettiv qed jinħarġu għadd ta’ messaġġi mingħajr kuntest, li jmorru lura għall-2019, meta ma kellha ebda kariga eżekuttiva.

Tenniet li qatt m’għamlet negozju ma’ Yorgen Fenech, u minkejja li kienet tafu, il-mument li sar magħruf li hu akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qatgħet kull kuntatt. Żiedet li tul is- snin li kienet taf lil Yorgen Fenech, qatt m’użat il-kariga politika biex tinfluwenza xi proċess jew deċiżjoni, u qatt ma ntalbet tagħmel dan.

Intant, fi stqarrija l-Gvern ippubblika l-ittra ta’ riżenja li rċieva l-Prim Ministru mingħand l-Onorevoli Cutajar. Il-Prim Ministru laqa’ r-riżenja u wera l-apprezzament tiegħu għall-mod li bih qal li Rosianne Cutajar għażlet li ġġib l-interessi tal-Gvern u tal-pajjiż qabel tagħha personali.

Intant, dwar ir-riżenja temporanja ta’ Rosianne Cutajar minn Segretarju Parlamentari, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li dan huwa falliment ieħor għall-Prim Ministru Robert Abela, li kellu jistenna lil Rosianne Cutajar tieħu azzjoni waħidha minflok keċċieha hu.

L-għaqda Repubblika f’reazzjoni laqgħet ir-riżenja ta’ Rosianne Cutajar u qalet li d-deputat Cutajar imissha wkoll tirriżenja mill-Parlament wara li ħalliet lil Yorgen Fenech jisserva mill-pożizzjonijiet pubbliċi tagħha.