Turiżmu
Rosselli bi premji prestiġjużi fl-International Hotel Awards

Wara biss sitt xhur li fetħet il-bibien tagħha għall-klijenti, l-lukanda Roselli rebħet żewġ premji prestiġjużi lil hinn minn xtutna. Fil-fatt, fl-International Hotel Awards ta’ din is-sena, hi rebħet it-titlu tas-‘Small Luxury Hotel’ u ‘Hotel 5 Star Standard of Excellence’.

Fi stqarrija, Claire Zammit Xuereb, id-direttur tal-ospitalità fi ħdan AX Group, li Roselli tagħmel parti minnha, qalet li r-rispons li rċevew fis-sitt xhur kemm ilhom miftuħin, kien wieħed inkredibbli. Qalet ukoll li tinsab kburija mmens li din hija l-uniku lukanda boutique ta’ ħames stillel f’Malta li rebħet din il-kategorija ta’ lussu.

Fl-istqarrija ġie spjegat kif Roselli hija binja li ttellgħet fis-seklu 17. Lukanda li l-grupp ra li jżomm l-awtentiċità tal-binja oriġinali kemm jista’ jkun. Dan waqt li l-25 kamra differenti li hemm, saru b’mod modern u lussuż.