Trasport
Rotta ġdida tal-linja bejn iċ-Ċirkewwa, l-Università u l-Belt

Tħabbret rotta ġdida tat-trasport pubbliku; ir-rotta X300 se tgħaqqad it-terminal fiċ-Ċirkewwa mal-Università, l-isptar Mater Dei, il-Junior College fl-Imsida u l-Belt Valletta.

Fit-tnedija tar-rotta fil-Port tal-Imġarr, Għawdex, mill-Ministri Ian Borg u Clint Camilleri, intqal li l-iskeda tal-X300 se taqbel mal-iskeda tal-vapur tal-Gozo Channel u se tieqaf biex tniżżel u trikkeb il-passiġġieri f’erba’ waqfiet biss. Ir-rotta minn tarf għall-ieħor hu stmat li se tieħu madwar siegħa.

Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li dan is-servizz ġdid se jfisser aktar aċċessibbiltà, speċjalment għal madwar elf u mitt student Għawdxi u mal-erbat elef ħaddiem li ta’ kuljum jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, fisser dan bħala pass importanti biex jonqos id-dewmien tal-Għawdxin biex jaslu fil-post tax-xogħol jew fl-istituzzjoni edukattiva. Fi kliemu, permezz tal-X300, se tissolva parti mill-problema tal-konnettività tal-Għawdxin.

X300 se tibda topera minn Ottubru, matul il-ġranet tal-ġimgħa, permezz ta’ erba’ vetturi.