Ruma bl-ewwel Sindku mara mill-moviment Cinque Stelle

Il-moviment Cinque Stelle għamel rebħiet kbar fl-Italja fejn skont riżultati bikrija, rebaħ l-elezzjonijiet lokali f’Ruma u f’Turin.

Virginia Raggi se tkun l-ewwel Sindku mara ta’ Ruma, f’rebħa li qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-Prim Ministru Matteo Renzi u l-partit demokratiku ċentru xellugi tiegħu.

Il-Partit Demokratiku rebħa il-kapitali finanzjarja Taljana, Milan, u anki Bologna.

Osservaturi qed jgħidu li r-riżultati ta’ din l-elezzjoni lokali jistgħu jservu ta’ pjattaforma għall-moviment Cinque Stelle, għall-elezzjonijiet parlamentari li se jsiru fl-2018.

L-elezzjonijiet lokali fl-Italja saru f’żewġ fażijiet, l-ewwel fażi saret ħmistax ilu u t-tieni waħda lbieraħ.

Virginia Raggi ta’ 37 sena qalet li se tkun Sindku għar-Rumani kollha. Qalet li se treġġa l-legalità u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-belt wara 20 sena ta’ governanza fqira.

Raggi se tkun qed tieħu f’idejha belt mimlija dejn ta’ aktar minn €13-il biljun – id-doppju tal-budget annwali. Ir-Rumani jinsabu frustrati minħabba l-ħofor li hemm, il-munzelli taż-żibel u nuqqasijiet serji fit-trasport pubbliku u l-qasam tad-djar.

Chiara AppendinoF’Turin, mara oħra mill-moviment Cinque Stelle kisbet riżultati tajbin, Chiara Appendino. Il-moviment kien twaqqaf minn Beppe Grillo fl-2009 u minn dak iż-żmien ilu għaddej b’kampanja kontra l-korruzzjoni li tappnet il-politika Taljana għal snin sħaħ.

Is-Sindku tal-Partit Demokratiku f’Ruma, Ignazio Marino kien irriżenja f’Ottubru minħabba skandlu dwar l-ispejjeż. Ruma ilha minn dak iż-żmien bla Sindku.

Skandlu ħafna akbar li jinvolvi l-allegat influwenza tal-Mafja fil-post fejn jiltaqa’ l-kunsill, kien ta spinta lill-moviment Cinque Stelle li qed iħares lejh innifsu bħala l-partit ewlieni fl-Oppożizzjoni għall-elezzjoni ġenerali tal-2018.