Tfal
Sa €6,000 f’għajnuna biex jinxtara apparat sensorjali għat-tfal bl-awtiżmu

Il-gvern se jgħin b’għotja sa €6,000 lil familji bi tfal jew adulti bl-awtiżmu jew diffikultajiet biex jipproċessaw informazzjoni relatata mas-sensi biex ikunu jistgħu jagħmlu sensory room f’darhom.

Valerie Brincat hija omm ta’ tlett itfal li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu. Qalet li l-isfidi ewlenin fost il-persuni bl-awtiżmu jikkonsistu f’diffikultajiet marbuta mas-sensi u l-kommunikazzjoni.

Is-Sinjura Brincat, li hija wkoll Occupational Therapist, qalet li l-ambjent li jgħixu fih persuni bl-awtiżmu huwa kruċjali. “Dawn huma tip ta’ kmamar li jipprovdu stimoli li għandhom bżonn biex ikunu self regulated, jirregola lilu nnifsu mis-sensi li għandu bżonn u fl-istess ħin f’post kalm, spazjuż u li huwa adegwat għalih.”

Waqt it-tnedija ta’ l-iskema SensAbility, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li għall-ewwel darba l-Gvern se jagħti sa €6,000 f’għajnuna biex tintuża għal tagħmir u apparat sensorjali fi kmamar apposta fi djar ta’ persuni li għandhom l-awtiżmu.

“Aħna nafu li l-ħajja tagħhom matul il-ġurnata ikollhom bżonn ċertu terapija u għajnuna inkluż anki fid-dar tagħhom u biex jinxtara l-apparat jew ikunu mgħammra dawn il-kmamar jidħlu għal spejjeż kbar,” fisser il-Ministru Galdes.

Mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, qalet li l-Gvern, hu impenjat jgħin lill-iżgħar faxex tas-soċjetà tagħna, bħal dawn il-persuni, biex huma wkoll ikunu jistgħu jissoktaw fil-ħajja tagħhom, kemm jista’ jkun daqs kull persuna oħra.

“Jimmira lejn l-abbiltà tan-nies kif nistgħu ngħinu biex l-individwu jtejjeb l-abbiltajiet tiegħu, nħares ’il quddiem biex din l-iskema tibda tiġi utilizzata u l-ħajja ta’ dawn l-individwi timxi iżjed il-quddiem,” qalet Dr Abela.

L-iskema, li qed titmexxa mill-Awtorità tad-Djar, hi maħsuba li tkopri wkoll lil dawk il-persuni li għandhom diffikultà biex jipproċessaw is-sensi.