COVID-19
“Sa ħmistax oħra l-ħaddiema kollha f’Mater Dei jkunu ħadu l-ewwel doża”

‘Il fuq minn ħamsin impjegat tal-Isptar Mater Dei – kollha frontliners li jaħdmu mill-qrib ma’ pazjenti morda bil-covid – illum ħadu t-tieni doża tat-tilqima għall-COVID-19. Dan ġara skont il-pjan li għeluq il-wieħed u għoxrin ġurnata mit-teħid tal-ewwel doża, tingħata t-tieni waħda. Ma’ Television Malta, id-Direttur Mediku tal-Isptar Mater Dei – Walter Busuttil – qal li sa nhar l-Erbgħa l-istaff kollu li għandu kuntatt dirett mal-pazjenti se jkun ħa l-ewwel doża, bl-impjegati kollha ta’ Mater Dei mistennija jkunu ħadu ż-żewġ dożi sal-aħħar ġimgħa ta’ Frar.

L-infermiera Rachel Grech kienet l-ewwel persuna f’Malta li ngħatat it-tilqima għall-COVID-19. Għeluq it-tliet ġimgħat mill-ewwel doża, fit-tmienja tal-Ħadd filgħodu ngħatat it-tieni doża biex fi żmien għaxart’ijiem oħra tkun laħqet l-ogħla livell ta’ immunita’ kontra l-virus li tagħti t-tilqima manifatturata minn Pfizer-BioNtech. Din hi fil-livell ta’ bejn 90 u 95%. Ma’ Television Malta, l-infermiera qalet li mindu ħadet l-ewwel doża baqgħet għaddejja bir-rutina tas-soltu.

“Wara li ħadt l-ewwel doża ħassejtni tajba ħafna. Attendejt kuljum għax-xogħol. Kelli xi ftit għejja, għall-ewwel li damet qisu jumejn. Però attendejt għax-xogħol b’mod regolari, u ma kienx hemm xi bdil fil-ħajja tiegħi.”

B’esperjenza diretta ma pazjenti bil-COVID billi taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv tal-Isptar Mater Dei, Rachel Grech, stqarret li dan l-aħħar ix-xogħol żdied u tenniet l-appell biex kulħadd jitlaqqam meta indikat.

“Rajna żieda fil-każijiet. Ix-xogħol ma waqafx anzi żdied. Nixtieq nappella li issa li ġej il-Karnival in-nies joqogħdu aktar attenti u jsegwu l-miżuri ħalli kemm jista’ jkun inżommu n-numri u nikkontrollaw wara kollox.”

Id-direttur mediku tal-Isptar Mater Dei, Walter Busuttil, qal li fl-isptar qed jingħataw bejn 250 u 300 tilqima kuljum. It-tilqim beda jingħata l-ewwel lill-istaff kliniku, dawk b’kuntatt dirett ma’ kwalunkwe pazjent, li qal kollha se jkunu ħadu l-ewwel doża sa nhar l-Erbgħa li ġej.

“Sa ġimagħtejn oħra jkollna l-isptar kollu, l-istaff kollu li jkun l-isptar kemm il-clinical u kemm in-non-clinical ikunu vaccinated bl-ewwel doża kollha. Mil-lum nibdew nagħtu t-tieni doża lil dak il-grupp li ħadu d-doża tliet ġimgħat ilu, jiġifieri aħna qed nikkalkulaw li mbagħad sa tliet ġimgħat wara l-ġimagħtejn li ġejjin ikollna l-istaff kollu li jkun lest.”

It-tieni doża qed tiġi riżervata mill-ewwel għal kull persuna li tieħu l-ewwel waħda u b’hekk ikun aċċertat li din tingħata fil-ħin anke jekk ikun hemm dewmien minnn barra li l-awtoritajiet lokali m’għandhomx kontroll fuqu. Television Malta staqsa lil Dr Busuttil jekk għeluq l-għaxart’ijiem mit-teħid tat-tieni doża ifissirx li l-persuna mlaqqma tista’ terħi u ma ssegwix il-miżuri ta’ prevenzjoni.

“Le, ma tistax. Ir-raġuni hi li kif qed ngħid l-ebda vaccine mhuwa 100%, jiġfieri inti avolja tkun ħadt l-ewwel u t-tieni doża u għaddew l-għaxart ijiem xorta waħda għandek pesentaġġ li xorta waħda jista’ jaqbek l-infection. Aħna kulma għandna esperjenza b’din il-marda ta’ ftit xhur, inqas minn sena prattikament, u allura ma nafux kif ħa taffettwa lil dak il-grupp li jieħdu l-infection xorta waħda kif ħa taffettwahom in the long term.”

Saħaq biex miżuri bħall-ilbies tal-maskra, iż-żamma tad-distanza soċjali u l-ħasil tal-idejn jibqgħu jiġu osservati minn kulħadd.