Propjetà
Jekk int sensar “trid tirreġistra sa Settembru li ġej”

Kull min jaħdem fil-bejgħ tal-proprjetá jrid ikun informa lill-Bord tar-Real Estate sa nofs Settembru biex ikun jista’ jikseb il-liċenzja li mill-bidu tas-sena d-dieħla hija obbligatorja għal kull min jaħdem fis-settur.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius qal li s’issa kien hemm 1,500 persuna li esprimew l-interess li japplikaw għal-liċenzja u li għad fadal mal-elf ruħ oħra jaħdmu fis-settur li għadhom ma bdewx il-proċess biex jiġu liċenzjati.

“Jien qiegħed nara li fadal mal-2,500 sa 3,000 li jaħdmu fis-settur u għalhekk aħna llum qed nagħmlu dan l-appell, sabiex min għadu m’għandux kollox in regola jara li jkollu kollox in regola, jara l-applikazzjoni online mal-bord tar-real estate sabiex eventwalment tkun tista’ tinħariġlu l-liċenzja”, qal is-Sur Agius.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni żied jgħid li hawn mat-tmien skejjel li qegħdin joffru korsijiet għall-persuni li jaħdmu fis-settur tal-bejgħ tal-proprjetà, biex ikunu jistgħu jiksbu l-liċenzja.

“Il-liġi tipprovdi wkoll li min jaħdem mingħajr liċenzja, hemm multi amministrattivi konsiderevoli u allura l-appell tiegħi huwa sabiex jekk inti trid taħdem skont kif titlob il-liġi, ara li sa 17 ta’ Settembru li ġej il-bord ikollu kull informazzjoni mitluba minnek”, qal is-Sur Agius.

Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li min mhux ser jikkuntattja lil-bord sa nofs Settembru, m’għandux garanzija li ser jingħata l-liċenzja sal-bidu tas-sena d-dieħla.