Ambjent
Sa Lulju l-Park tal-Familja f’Marsaskala se jkollu bixra ġdida b’iktar attrazzjonijiet

Fil-Park tal-Familja f’Marsaskala ser isiru attrazzjonijiet ġodda ta’ divertiment għat-tfal u għall-familja b’investiment ta’ €500,000. Il-proġett ser isir mill-Ministeru għall-Enerġija u l-għan huwa li l-ispazji miftuħa joffru sigurtà u ambjent mill-isbaħ.

Sa Lulju li ġej il-park ser jingħata dimensjoni ġdida, mhux biss għax ser jgħaddi minn programm ta’ manutenzjoni u tisbiħ, iżda anke għax ser ikomplu jiżdiedu aktar attrazzjonijiet għat-tfal u l-familja, fosthom żona li ser tkun dedikata għat-tagħlim.

Ix-xogħlijiet ser isiru minn Parks Malta. Fil-proġett ser isir manutenzjoni tal-funtana, ikunu restawarati l-ħitan tas-sejjieħ li saritilhom ħsara minħabba atti ta’ vandaliżmu, ser isir park tal-klieb ikbar biex iż-żona fejn jinsab illum ser tinbena struttura għall-attivitajiet edukattivi. Dan intqal filwaqt li kien inawgurat it-torri tat-tfal li issa huwa aktar sigur.

“Ħdejja hawn l-istruttura l-kbira tat-tfal li ġiet inawgurata llum u miftuħa għall-pubbliku. Din sofriet ħafna atti vandali u l-istruttura tagħha kienet dilapidata u saritilha l-manutenzjoni kollha neċessarja. Bdejna xogħlijiet fuq l-open gym u ser issir manutenzjoni fuq 15-il bank u soqfa tal-injam li qed taraw f’dan il-park. Ser isir ukoll manutenzjoni fuq il-five a side football pitch, ix-xibka tal-madwar u installati wkoll tal-futball ġodda,” qal Adrian Attard, Direttur Ġenerali Parks Malta.

Il-Ministru tal-Energija Miriam Dalli, filwaqt li żaret il-park tal-familja, qalet li l-proġett ser isir fuq żewġ fażijiet b’investiment ta’ €500,000. Dr Dalli spjegat kif dan huwa wieħed mill-proġetti li qed isiru għal spazji miftuħa bil-għan li aktar familji jibbenefikaw minnhom.

“Jiena bħala omm ta’ żewġt itfal naf kemm il-familji qed iħarsu lejn spazji miftuħa fejn imorru jirrikrejaw ruħhom bħala familja u bħala pajjiż għandna diversi postijiet, filfatt anke dak li qed nagħmlu bħala ministeru biex inkunu qed nidentifikaw mhux biss postijiet kbar iżda anke żgħar f’lokalitajiet differenti fejn il-familji jkunu jistgħu jmorru anke qrib tagħhom, filwaqt li jkollhom parks ikbar fejn imorru bħala familja.”

Il-Ministru Dalli qalet li fiż-żoni ta’ rikreazzjoni ser ikunu installati kameras tas-sorveljanza minħabba l-vandaliżmu u rimi ta’ skart, fosthom anke tyres. Hija appellat lill-pubbliku biex meta jara dawn l-atti jirrapporta lill-Pulizija.