COVID-19
Sa Marzu li ġej 2.2 miljun persuna fl-Ewropa se jkunu mietu bil-Covid – WHO

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed twissi li sa Marzu li ġej, mas-700,000 ruħ fl-Ewropa u f’partijiet tal-Asja huma mbassra li se jmutu bil-Covid-19.

S’issa l-għadd ta’ nies li mietu kawża tal-Covid qabeż il-miljun u nofs fi 53 pajjiż li jiffurmaw ir-reġjun Ewropew tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Sa Marzu dawn mistennija jitilgħu għal total ta’ 2.2 miljun persuna.

Intqal li hemm pressjonijiet u stress enormi fuq it-taqsima tal-kura intensiva f’49 pajjiżi Ewropej, hekk kif kien hemm żidiet sinifikanti fl-għadd ta’ każi tal-Covid. Għadd ta’ pajjiżi, fosthom Franza, il-Ġermanja u l-Ġreċja, qed jikkunsidraw li jagħmlu anki l-booster tat-tilqima obbligatorja għaċ-ċittadini tagħhom.

Il-miżuri imposti f’għadd ta’ pajjiżi biex jikkontrollaw il-firxa tal-Covid ntlaqgħu bi protesti, f’xi waqtiet vjolenti, fosthom fil-Belġju u l-Olanda, fejn dimostranti tlewmu mal-pulizija waqt dimostrazzjonijiet fit-toroq kontra l-Covid.