Lokali
Sa nofs Ottubru residenti fid-djar tal-anzjani se jingħataw il-booster tat-tilqima kontra l-COVID-19

Il-Ministru għall-Anzjani, Michael Farrugia, qal li l-pjan hu li sa nofs Ottubru l-anzjani kollha fid-djar residenzjali jingħataw il-booster tat-tilqima kontra l-Covid-19. F’kummenti ma’ Television Malta, il-Ministru Farrugia qal bdew it-tħejjijiet biex fl-istess perjodu anke l-ħaddiema li jaħdmu mal-anzjani jingħataw il-booster tat-tilqima. Dr Farrugia qal li f’inqas minn xahar se jitlaqqmu b’kollox 9,000 persuna bejn anzjani u ħaddiema.

Waqt il-preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-Awtorità tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali, il-Ministru Farrugia qal li l-ħaddiema tal-Awtorità taw sehemhom fil-programm ta’ tilqim kontra l-virus billi assiguraw li l-anzjani kollha fid-djar residenzjali jkunu minn tal-ewwel li jitlaqqmu. Dr Farrugia rrimarka li b’din l-inizjattiva ngħataw madwar 15,000 tilqima.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Angele Ellul Fenech, qalet li fis-sena tal-pandemija twettqu rekord ta’ 3,300 żjara fid-djar residenzjali bis-sehem tal-Uffiċċju tal-Infurzar. Dr Ellul Fenech spjegat li dawn iż-żjarat saru biex fost oħrajn tkun assigurata s-saħħa u s-sigurtà tal-anzjani fid-djar residenzjali anke waqt il-pandemija.