COVID-19
“Sa tmiem din il-ġimgħa t-tilqim kontra l-Coronavirus se jitla’ għal 2,500 kuljum”

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li sa tmiem din il-ġimgħa t-tilqim tal-vaċċin kontra l-Coronavirus se jitla’ għal 2,500 kuljum waqt li l-ewwel dożi tal-vaċċin tal-Astra Zeneca mistennija jaslu fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.

Il-Ministru Fearne qal dan fil-Parlament fi tweġibiet supplimentari lil diversi deputati.

Huwa qal illi bħalissa qed jintużaw 1,300 tilqima kuljum li se jiżdiedu għal 2,500 kuljum sa tmiem il-ġimgħa.  Huwa qal ukoll illi sakemm ma jkunx hemm informazzjoni xjentifika oħra, il-vaċċin tal-Aswtra Zeneca se jingħata lil persuni taħt il-65 sena. Huwa qal li mingħand l-Astra Zeneca Malta għandha ordnata mal-miljun doża.  Qal li b’kollox Malta għandha ordnati dożi biex jitlaqqmu l-popolazzjoni f’Malta għal darbtejn.  Wara li jkun aċċertat li Malta jkollha it-tielet doża li sservi bħala booster,  Malta hija lesta tagħti dożi żejda lil pajjiżi li s’issa m’għandhomx dożi. Huwa qal ukoll illi mit-tilqim li sar s’issa ma kien irrapurtat l-ebda reazjoni severa jew inkwetanti lil dawk li ħadu t-tilqima.

Fi tweġiba oħra, il-Ministru tas-Saħħa qal li ma jistax jiżvela kemm ħallset Malta għall-vaċċin skont ftehim bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li din l-informazzjoni hija sensittiva.

Fi tweġiba oħra separata, il-Ministru Fearne qal li l-għadd ta’ pazjenti fl-isptar Monte Carmeli minn 500 niżlu għal 270 wara li ġew żvujtati żewġ binjiet, b’binja minnhom se  jsirulha soqfa ġodda u refurbishment sħiħ u oħra se titwaqqa’ biex tinbidel fi ġnien terapewtiku.