Annimali
‘Sabiħ ħafna żżomm l-irmied tal-annimal tiegħek għax almenu jibqa’ magħna fil-familja’

Domanda kbira għall-inċineratur tal-annimali tal-island Sanctuary, bi stennija ta madwar tliet ġimgħat biex jieħdu l-irmied mindu jmut l-annimali.

Intant, waqt li ħafna qed jieħdu l-irmied id-dar, il-Gvern se jkun qed jagħmel ċimiterju tal-annimali f’Ta’ Qali. TVM jinsab infurmat li diversi kumpaniji urew interess.

Fil-faċilità tal-Island Sanctuary f’Marsaxlokk, iltqajna ma sid ta’ kelb li marret tiġbor l-irmied tal-pet tagħha li miet ftit ġimgħat ilu.

”Xi ħaġa sabiħa ħafna għax almenu jibqa’ magħna fil-familja u fl-aħħar mill-aħħar kien parti minna. Sabiħ jibqa’ miegħek.”

Sa sentejn u nofs ilu, dawk li jrabbu annimal domestiku kellhom biċċa uġiegħ ta’ ras kif jiddisponu b’mod dinjituż mill-fdalijiet mal-mewt.

Il-wasla f’Awwissu 2018 ta’ inċineratur għall-annimali domestiċi fis-santwarju tal-annimali f’Marsaxlokk offriet soluzzjoni biex mal-mewt l-fdalijiet jinħarqu u l-irmied jittieħed id-dar.

Claire Gafa li tmexxi l-Island Sanctuary qalet li fl-aħħar sentejn u nofs ikkremaw aktar minn 2,000 annimal.

”Aħna nagħmlu madwar erba’ ħarqiet fil-ġimgħa – erba’ darbiet fil-ġimgħa. Għandna waiting list ta’ 3 weeks. Jiġifieri bħalissa għandna sal-aħħar ta’ Marzu ibbukjat kollu.”

Is-Sinjura Gafa qalet li mal-mewt, l-annimal jinżamm fi friża għand veterinarju jew għand kuntratturi privati li jwassluh fil-faċilità.

Lycia Mallia hi voluntiera li tħaddem l-inċineratur. Spjegat li t-temperatura titla’ aktar minn 1000 grad celcius u skont il-permess jistgħu jikkremaw biss annimali domestiċi bħal klieb, qtates, fniek u rettili.

”Aħna qedin tliet voluntiera nisa u nirranġaw bejnietna biex inkunu nistgħu nerfgħu il-pet, jitpoġġa fi tray u biex tqandel pet ta’ 72 kilo mhux ċajta.”

Is-Sinjura Mallia qalet li l-proċess tal-kremazzjoni idum madwar 5 sigħat.

”Aħna rridu nagħtu rapport kull sena lill-ERA – ikun hemm kwantitajiet kemm għamilna cremation, kemm ħarġu irmied u dettalji tal-individwi li nkunu kremajna.”

Apparti l-inċineratur, l-assoċjazzjoni tmexxi santwarju tal-annimali fejn bħalissa hemm madwar 60 kelb, ħafna minnhom xjuħ, li ħadd ma jkun irid jaddottahom. Semmew sfidi li jiltaqgħu magħhom.

Intant, il-wegħda ta’ ċimiterju tal-annimali għada fuq l-aġenda tal-gvern. Kelliem għall-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali qalet li tmien konsorzji esprimew interess f’sejħa li għalqet ix-xahar l-ieħor biex jiġi żviluppat ċimiterju tal-annimali fiż-żona magħrufa bħala ta’ San Ġakbu f’Ta’ Qali. Skont dettalji ppreżentati xi snin ilu lill-Awtorità tal-Ippjanar, dan iċ-ċimiterju hu maħsub għall-klieb u qtates.