Barranin
Saċerdot arrestat wara li xeħet l-aċtu fuq 7 isqfijiet fil-Greċja

Il-Pulizija f’Ateni arrestat saċerdot li xeħet l-aċtu fuq seba’ isqfijiet tal-Knisja Ortodossa Griega.

Il-Pulizija Griega qalet li l-attakk seħħ l-Erbgħa waranofsinhar waqt laqgħa li matulha kienu qed jiġu diskussi miżuri ta’ dixxiplina kontra s-saċerdot ta’ 36 sena.

Tliet isqfijiet qed jingħataw kura l-isptar wara li ġarrbu ħruq estensiv f’wiċċhom.

Fl-attakk indarab ukoll pulizija li mar biex jagħti l-ewwel għajnuna lill-isqfijiet.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet ANA, is-saċerdot kien f’riskju li jiġi sospiż mill-Knisja, wara li ġie akkużat li kien involut fit-traffikar ta’ droga.

L-isqfijiet kienu qegħdin jiltaqgħu biex ineżżgħuh mil-libsa ta’ saċerdot wara li allegatament, huwa nqabad b’1.8 grammi kokaina f’Ġunju ta’ tliet snin ilu.

Matul il-laqgħa li saret fil-Monasteru ta’ Petraki li jinsab fiċ-ċentu ta’ Ateni, is-saċerdot ħa miegħu flixkun kbir mimli bl-aċtu li spiċċa xeħtu fuq l-Isqfijiet.

Il-Ministru tas-Saħħa Grieg Vassilis Kikilias żar lill-vittmi l-isptar u qal li wieħed minnhom se jiġi trasferit fi sptar fejn issir il-kirurġija plastika.