Lokali
Saċerdot maħbub imut fl-Istati Uniti – tislima lil Fr Nicholas Cachia

Tħabbret il-mewt illejla ta’ Fr Nicholas Cachia, saċerdot Malti ta’ 59 sena li kien qed jagħti servizz f’seminarju fl-Istati Uniti.

Huwa miet fil-John F. Kennedy Medical Center fi Florida, Miami.

Fr Nicholas Cachia, li huwa mis-Siġġiewi, ġie ordnat saċerdot 33 sena ilu. Hu għamel snin ta’ servizz pastorali fil-Knisja f’Malta, fejn fost l-oħrajn okkupa l-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Media Centre u Radju RTK. Huwa kien ukoll lettur fit-teoloġija spiritwali fl-Università ta’ Malta.

Fr Nicholas Cachia kien direttur spiritwali fis-Seminarju tal-Arċisqof f’tal-Virtù, u kien imfittex ħafna għal pariri u direzzjoni spiritwali, kemm minn seminaristi, saċerdoti u anki lajċi.

Kemm-il darba ta servizz ukoll fil-midja b’kummentarju ta’ avvenimenti kbar reliġjużi. Fuq Television Malta hu għamel il-kummentarju tal-quddiesa tal-aħħar żjara tal-Papa f’Malta, nhar il-Ħadd 18 ta’ April 2020. Dakinhar, il-Papa Benedittu XVI ċċelebra quddiesa fuq il-Fosos tal-Floriana. Kien ikkummenta wkoll il-quddiesa inawgurali tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku nhar id-19 ta’ Marzu 2013.

Ftit taż-żmien wara, huwa kien beda jservi bħala professur fis-St. Vincent de Paul Regional Seminary fi Florida.