Lokali
Sajf ieħor mingħajr il-briju tal-festi Maltin u Għawdxin – rapporti

L-awtoritajiet tas-saħħa ħadu d-deċiżjoni li għal sena oħra, il-festi tradizzjonali li jittellgħu f’kull belt u raħal fil-gżejjer Maltin u Għawdxin ma jsirux minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Fl-aħħar konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar tnaqqis fil-miżuri restrittivi, id-deputat Prim Ministru Chris Fearne kien diġà ta x’jifhem li l-festi ma kinux se jsiru u qal li l-awtoritajiet tal-pajjiż kienu mistennija li jiltaqgħu mal-awtoritajiet tal-Knisja biex jiddiskutu din il-kwistjoni.

Madankollu rapporti fil-ġurnali dalgħodu qalu li l-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna se jkunu qegħdin jinsistu biex matul is-sajf li ġej ma jittellgħu ebda festi u attivitajiet tal-massa oħra għall-fatt li dawn ma jistgħux jipperikolaw il-programm ta’ tilqim li għaddej bħalissa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Wara dak li seħħ is-sena li għaddiet meta każ wieħed fil-festa ta’ Santa Venera wassal għal tixrid tal-virus fost għexieren ta’ persuni oħra, din is-sena l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin b’seba’ għajnejn biex dak li seħħ is-sena l-oħra ma jerġax jirrepeti ruħu u għalhekk qed jaġixxu b’ħafna iktar kawtela.

F’intervista lbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-pandemija għadha magħna u għalhekk il-ħtieġa li jkompli jinstab bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies.

Sorsi qrib il-gazzetta The Times qalu li l-laqgħa li se ssir bejn il-l-awtoritajiet tas-saħħa u dawk ekkleżjastiċi mistennija tkun biss formalità fejn matulha se tiġi ssiġillata d-deċiżjoni li l-festi esterni ma jsirux. Dan ifisser li l-ebda marċ jew purċissjoni bl-istatwa titulari jew sekondarja mhi se titħalla ssir.

Madankollu jidher li l-awtoritajiet tas-saħħa se jikkonċedu li jsiru l-festi interni sakemm dawn jimxu mal-protokolli stabbiliti.

Skont dawn l-istess sorsi, għalkemm ir-rata ta’ infezzjonijiet hija waħda baxxa u l-programm ta’ tilqim jinsab għaddej ġmielu, il-fatt li għadna ma lħaqniex dik li tissejjaħ il-herd immunity, grupp ta’ każijiet f’daqqa jista’ jipperikola dak kollu li l-pajjiż irnexxielu jikseb s’issa biex illum il-każijiet pożittivi tgħoddhom fuq ponot subgħajk.

Id-deċiżjoni li l-festi ma jsirux issegwi wkoll id-deċiżjoni tal-Gvern li fis-sajf li ġej ma jittellgħu ebda attivitajiet tal-massa. Dan minkejja li fl-aħħar ġimgħat, bosta organizzaturi bdew jirreklamaw u jbigħu biljetti għal parties u festivals f’pajjiżna fis-sajf li ġej.