Sajd
Sajjieda se jieħdu lura l-ispejjeż kollha għall-ħsarat fil-grigalata tas-sena l-oħra

Kważi sena u nofs minn maltempata qawwija li ħalliet ħerba f’diversi nħawi tal-pajjiż, il-gvern ħabbar li qed jalloka miljun ewro għal skema ta’ kumpens finanzjarju lil sajjieda li l-bastimenti tagħhom sofrew ħsara. Il-Ministru Anton Refalo qal li b’dan il-mod il-gvern se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha li saru għall-manutenzjoni.

Sajjieda li għandhom bastiment li sofra ħsarat fil-maltempata tal-24 ta’ Frar tas-sena l-oħra, se jingħataw mija fil-mija tal-ispejjeż li għamlu biex isewwu. Għal dan l-għan, il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali nieda skema ta’ miljun ewro minn fondi nazzjonali. Il-Ministru Anton Refalo qal li din l-iskema turi li l-gvern hu qrib ħidmet is-sajjieda.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Akwakultura u s-Sajd, Bjorn Callus spjega li jistgħu japplikaw għal fondi s-sajjieda professjonali kollha li għandhom bastiment reġistrat MFA jew MFB. Mistoqsi kemm hemm sajjieda li ġarrbu ħsarat fil-grigalata qawwija tas-sena li għaddiet, is-Sur Callus qal li hemm mat-800 bastiment reġistrat, li iżda mhux kollha ġarrbu ħsara.

Qal li s-sajjieda se jirċievu d-dar applikazzjoni għal din l-iskema, li tinsab ukoll fuq l-internet u l-media soċjali. L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu bejn l-20 ta’ Lulju u s-7 t’ Awwissu.

Ara wkoll:

ARA: Il-ħerba tal-maltemp fi ftit minuti

ARA: Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi…u l-ħsarat