Infrastruttura
Sakemm jimxu mar-regoli l-ġodda, ix-xogħlijiet fil-kostruzzjoni jistgħu jissuktaw

Wara kważi ġimgħa li x-xogħol ta’ twaqqigħ u skavar kien sospiż, il-kuntratturi reġgħu bdew ix-xogħlijiet li suppost issa huma regolati b’avviż legali ġdid. Għalkemm ir-regolamenti l-ġodda bdew jgħoddu mil-lum, l-operaturi fl-industrija, mill-periti sal-iżviluppaturi, għad għandhom mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba.

Il-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg qal li dan huwa l-ewwel pass, għax iridu jsiru riformi oħra f’din l-industrija.

L-inġenji fis-siti tal-kostruzzjoni reġgħu bdew jaħdmu wara pawsa ta’ ftit aktar minn ġimgħa, fejn ix-xogħol kien nofs lejħa sakemm tfasslu regolamenti ġodda dwar it-twaqqigħ u l-iskavar. Skont il-Ministru Borg, ix-xogħlijiet setgħu jibdew jekk il-kuntratturi jkunu konformi mar-regoli l-ġodda.

“Meta int taderixxi magħhom, allura x-xogħlijiet ikunu jistgħu jitkomplew,” sostna l-Ministru.

Madankollu l-obbligu tar-regolamenti ġodda qajmu bosta mistoqsijiet u xi oġġezzjonijiet. Fost dawn jidher li m’hemmx qbil li s-site technical officer bilfors ikun perit flok is-site manager. Il-President tal-Assoċazzjoni tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, wissa li bix-xogħlijiet li hawn, mhux ser jinstabu periti għal kull sit tal-kostruzzjoni.

“Hawn aħna ikkonċernati għax nemmnu li m’hemmx għalfejn ikun perit bilfors biex ikun tekniku u kompetenti. Hemm iktar korsijiet u hemm nies tekniċi li kapaċi jkunu site managers ukoll,” qal is-Sur Chetcuti.

Anke l-President tal-Kamra tal-Periti taħseb li hemm soluzzjonijiet oħra. “Diġa għidna fil-konsultazzjoni pubblika tal-ġimgħa l-oħra li hemm nies oħra kwalifikati għal dan l-irwol.”

F’dan l-isfond, il-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg qal lil TVM li ma jeskludix li jkun hemm persuni ohra kwalifikati biex ikun site technical officers. “Ħassejna li f’dan il-mument partikolari l-perit hu l-aħjar professjonist li jista’ jsegwi dan. Se nkunu qed nidħlu f’diskussjoni ma’ professjonijiet oħra, inkluż dawk li jiggradwaw mill-MCAST fuq xogħlijiet relatati f’sit ta’ kostruzzjoni. Jidher li anke l-kamra tal-inġiniera trid titkellem dwar dan.”

Il-President tal-Kamra tal-Periti, Simone Vella Lenicker, sostniet li m’hemmx ħtieġa li dan l-uffiċjal ikun Perit imqabbad mill-kuntrattur. “Hemm soluzzjonijet aħjar għax il-kuntrattur diġà hu responsabbli bil-liġi biex isegwi l-istruzzjonijiet tal-perit, u mhux ċar min se jerfa’ r-responsabbiltà legali jekk hux il-kuntrattur jew perit tal-kuntrattur.”

Il-Kamra tal-Periti bagħtet 27 mistoqsija lill-Ministru Borg, fejn fost oħrajn qed tinsisti li mhux biss il-bennejja, iżda anke l-kuntratturi jeħtieġ li jkunu reġistrati.

“Sal-lum dawn mhux reġistrati u regolati. Jekk ha nieħdu ir-responsabbiltà għall-integrità tal-istruttura ma’ persuna mhux reġistrat, mhux imħarreġ u m’għandux l-għodda li hemm bżonn u m’għandux in-nies tekniċi u kompetenti li jagħmlu ċertu xogħol, qed inpoġġu lill-perit f’pożizzjoni li mhix tennibli.”

Il-Kamra, fost oħrajn, taħseb li jrid ikun hemm żmien biex l-obbligi l-ġodda jidħlu fis-seħħ. “Sar studju dwar kemm se jkun hemm lead time biex l-industrija taġġusta mar-regoli l-ġodda?”

L-assoċazzjoni tal-iżviluppaturi min-naħa tagħha trid li jitwaqqaf kunsill għall-industrija u hija favur ir-reġistrazzjoni tal-kuntratturi. “Min qed jopera fuq il-lant tax-xogħol irid ikun reġistrat, bilfors sa ċertu data. Se nkunu qed ninsistu mal-Gvern biex jgħaddi liġi f’dan ir-rigward fejn anke l-kuntratturi jibdew jiġu klassifikati.”

Il-Ministru Borg qal li f’dan il-perjodu l-uffiċjali tal-awtorità tal-ippjanar se jassistu lill-uffiċċju għar-regolamentazzjoni tal-bini fl-infurzar fit-tħaris tar-regolamenti.

Ara wkoll:

Il-Kamra tal-Periti b’mistoqsijiet lill-Gvern fuq ir-regoli l-ġodda fil-kostruzzjoni