Lokali
Sakemm ma jbiddilx ħajtu, il-mafjuż m’huwiex Nisrani – l-Arċisqof ta’ Palermo

L-Arċisqof ta’ Palermo, Monsinjur Corrado Lorefice, qal li quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, għandhom jerfgħu responsabilità wkoll il-popli tal-punent għall-faqar u l-gwerer fil-pajjiżi mnejn jitilqu l-immigranti. Magħruf ħafna għall-ħidma mal-foqra u l-vittmi tat-traffikar uman, intervistat minn Television Malta, Monsinjur Lorefice tkellem ukoll dwar il-mafja. Għamilha ċara li sakemm ma jbiddilx ħajtu, il-mafjuż m’huwiex nisrani.

Monsinjur Corrado Lorefice nħatar Arċisqof ta’ Palermo tliet snin ilu, f’dik li tqieset bħala mossa sorpriża mill-Papa Franġisku minħabba li Lorefice, li dakinhar kellu 52 sena, ma kienx qed jissemma għal din il-kariga. Aktarx li d-deċiżjoni tal-Papa kienet motivata mill-ħidma bla heda li kien jagħmel qalb in-nies, speċjalment il-foqra, l-immigranti, il-prostituti u l-batuti fid-djoċesi ta’ Noto, fi Sqallija.

Fl-aħħar jiem l-Arċisqof Lorefice mexxa rtir għal grupp ta’ saċerdoti f’Għawdex. Intervistat minn Television Malta, l-Arċisqof ta’ Palermo qal li quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni, l-Ewropa kollha trid tiftakar li dawn il-persuni qed jaħarbu mill-faqar, mill-gwerra, u jrid ikollna l-kuraġġ ngħidu li ċ-ċirkustanzi f’dawn il-pajjiżi qed jinħolqu wkoll min-nies tal-Punent.

Monsinjur Corrado Lorefice, Arċisqof ta’ Palermo qal “il-predaturi tal-Afrika huma aħna n-nies tal-Punent! Qed jaħarbu minn faqar li aħna wkoll qed noħolqu. Aħna naħsbu fil-kummerċjanti, fil-kumpaniji multinazzjonali, li għadhom imorru f’dawn il-kontinenti biex jisfruttaw, u allura dawn jaħarbu mill-faqar. U mbagħad xorta waħda minn jaħrab għax bil-ġuħ, jirriskja jaqsam il-Mediterran bir-riskju li jmut, u jmutu tfal, nisa, bla difiża, innoċenti.”

Qal li ma jistax ikun li l-pajjiżi fl-Ewropa jħallu dan iseħħ, għaliex sostna li ‘l hinn minn kull nazzjon u reliġjon, il-bniedem għandu jħares fil-qalb tiegħu u jara li ma jibqax ikun hemm dawn id-disgrazzji umani.

Mistoqsi dwar il-mafja, l-Arċisqof Lorefice qal li li wieħed joqtol minħabba poter ekonomiku hu kontra l-Vanġelu. Hu fakkar ukoll fi kliem Ġesù li qal ‘ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus’.

“Jekk wieħed jimxi f’dik it-triq m’huwiex Nisrani. Għal kulħadd hemm il-possibilita’ li jibdel ħajtu, imma għandha tkun ċara li l-Mafjuż m’huwiex Nisrani” qal l-Arċisqof Lorefice.

L-Arċisqof ta’ Palermo kien ħabib ta’ Dun Pino Puglisi, saċerdot li kien iservi f’Brancaccio f’Palermo, u li kien jitkellem ħafna kontra l-Mafja. Puglisi kien inqatel mill-Mafja fl-1991 fil-jum li fih għalaq 56 sena. Monsinjur Lorefice qal li f’dik iż-żona magħrufa għall-kapijiet tal-mafja, Don Pino kien ikollu l-kuraġġ li ta’ sikwit jgħid li f’Alla wieħed għandna nagħrfu l-Missier, u ħadd m’għandu jagħraf ‘padrini’, kapijiet, oħra.

L-Arċisqof Corrado Lorefice hu jaħdem qatigħ mal-Caritas u ma’ għaqdiet oħra li jgħinu lill-fqar, lil-immigranti u lill-batuti. Qal li fuq il-linja u l-eżempju tas-Samaritan it-tajjeb, il-komunita’ Nisranija ma tistax ma tagħtix tweġibiet immedjati għall-urġenzi ta’ żmienna.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Fir-residenza San Vincenz De Paule, beda x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-kumpless Rużar Briffa li qed isir b’investiment ta’ disa’ miljun ewro. F’din il-fażi se jiġu rinnovati tliet iswali u l-foyer…

Stejjer Umani

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Josianne Cutajar, qalet li wieħed minn kull għaxar anzjani fir-residenza ma jżurhom ħadd. Dr Cutajar qalet li s-soluzzjoni ma tinstabx fi żjara f’xi…

Festi

Dħalna sew issa fi żmien il-Milied. Fil-knejjes illum bdiet in-novena, il-postijiet tad-divertiment qed ikunu miżgħuda attivitajiet bejn il-ħbieb, u ċ-ċentri kummerċjali qed ikunu ppakkjati bin-nies jixtru ħwejjeġ għalihom u rigali….

Lokali

Tintemm uffiċjalment illejla s-sena li matulha l-belt kienet il-kapitali Ewropea tal-kultura bl-attività “L-Aħħar Festa” li tibqa’ sejra sa tard ħafna illejla. Valletta 2018 iżda se tibqa’ għaddejja permezz ta’ numru…

Aktar