MEUSAC
Sal-2050, fil-baħar ikollna iktar plastik milli ħut

L-ibħra ta’ madwarna qegħdin jiffaċċjaw kriżi enormi bl-ammonti konsiderevoli ta’ plastik li qed jintrema u jħalli impatt negattiv fuq il-ħajja marittima u umana. Fil-fatt, skont rapport tal-World Wildlife Fund, madwar 6 miljun tunnellata ta’ plastik qed jiġu mormija fil-baħar kull sena; qisek qed tgħid li kull minuta, għal sena sħiħa, trakk taż-żibel jarmi b’kemm jesa’ plastik fil-baħar.

Il-previżjoni hi li sas-sena 2050, fil-baħar ikollna ktar plastik milli ħut. B’konsegwenza, dan mhux biss ser ikompli joħloq problemi għall-bijodiversità marittima, imma ser iħalli wkoll impatt negattiv fuq saħħet il-bniedem.

Ħafna prodotti tal-plastik li qed jispiċċaw f’qiegħ il-baħar jinkludu tagħmir tas-sajd, fliexken tal-plastik, u straws tal-plastik. Sempliċi flixkun tal-plastik idum madwar 450 sena sakemm jiddiżintegra. Prodotti oħrajn magħmulin mill-polystyrene, li jintuża ħafna biex isiru t-tazzi u straws fl-industrija tal-ikel, jistgħu jdumu ‘l fuq minn 5,000 sena sakemm jiddiżintegraw kompletament.

Dan iwassal biex dan il-materjal jispiċċa jittiekel minn diversi speċi ta’ ħut, li fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa fuq l-imwejjed tagħna u f’ġisimna. Dan għaliex meta jibda jiddiżintegra, il-plastik iħalli miljuni ta’ partiċelli żgħar tossiċi li ma jidhrux u li bla ma nindunaw jidħlu f’ġisimna mill-arja u mill-prodotti li nieklu. Il-konsegwenzi fuq saħħitna nafu x’inhuma, għalkemm ma nirrealizzawx biżżejjed il-ħsara li qiegħda ssirilna.Dan kollu jfisser li l-plastik li qed narmu mhux biss ser jimpatta l-ħajja u s-saħħa tagħna, imma wkoll dik tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Għaldaqstant hemm bżonn isir iktar sabiex niġġieldu din il-problema.

L-Unjoni Ewropea qiegħda fuq quddiem sabiex tiġġieled kontra din il-problema, u b’mod partikolari qed tiffoka fuq azzjoni biex tindirizza dawk il-prodotti tal-plastik li ma jistgħux jiġu riċiklati. Dawn jinkludu l-istraws tal-plastik u tazzi li ma jerġgħux jintużaw. Fil-fatt, fl-2019, il-Parlament Ewropew ivvota favur proposta ta’ liġi fl-Unjoni Ewropea li dawn il-prodotti jinqatgħu kompletament mis-suq sal-2021. Dan kollu jifforma parti mill-Istrateġija Ewropea għall-Ekonomija Ċirkolari.

L-idea ta’ din l-istrateġija hi li twaqqaf il-ħela u r-rimi ta’ riżorsi fl-ekonomija tagħna, u minflok dawn ir-riżorsi jiġu riċiklati u rkuprati sabiex jerġgħu jintużaw mill-ġdid. Din twassal għal inqas bżonn ta’ materjali ġodda, għaliex il-materjali eżistenti jkunu jistgħu jibqgħu jintużaw.

Bħala ċittadini Ewropej, aħna wkoll għandna nagħmlu li nistgħu biex niġġieldu din il-problema. Wieħed għandu dejjem jirriċikla fejn jista’, ma jħallix skart warajh meta jmur il-baħar, u jevita milli juża dawk il-prodotti li mhumiex riċiklabbli. Huma dawn it-tip ta’ azzjonijijet li jistgħu jagħmlu differenza konsiderevoli fil-ġejjieni tal-ambjent tagħna.

Għal iktar fatti dwar il-plastik u l-ibħra tagħna, tista’ tagħfas hawn.

Dan it-tagħrif miġjub minn:

Aħbarijiet Oħra
Politika

Is-Servizz tas-Sigurtà Malti għandu taqsima apposta dedikata għall-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Kumitat Nazzjonali tas-Sigurtà għas-sena li għaddiet fejn jingħad…

Teknoloġija

Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita nediet ċentru ġdid tad-data kif ukoll pjattaforma tal-Internet of things. Permezz ta’ din it-teknoloġija, numru ta’ oġġetti fid-dar jistgħu jiġu mqabbda mal-internet biex jiġu kkontrollati minn fuq…

Politika

Fil-Belt l-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice organizzaw protesta fejn talbu li l-parlamentari jwarrbu lil Joseph Muscat minn Prim Ministru, jekk dan ma jirriżenjax minn jeddu.  Qalu li l-Prim Ministru missu…

Lokali

Għall-ewwel darba, l-Ungerija għandha preżenza diplomatika permanenti f’Malta permezz ta’ konsolat fil-Belt Valletta. Fl-inawgurazzjoni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija qal li pajjiżu qed jappoġġja l-kandidatura ta’ Malta biex tiġi…

Aktar