Saħħa
Sal-2050 id-dimenzja se tolqot 13,000 persuna

Bħalissa f’Malta hawn madwar 7,000 persuna li qed tbati mid-dimenzja, din mistennija titla’ għal 13,000 sas-sena 2050. Fl-ewwel konferenza nazzjonali tad-dimenzja, ġiet diskussa din il-marda, kif tolqot lil ta’ madwarha, u kif jistgħu jitjiebu s-servizzi għall-pazjenti u l-qraba tagħhom.

Il-professur tal-istudji tad-dimenzja fl-Università ta’ Malta, Charles Scerri, qal li din il-marda hija fenomenu relattivament ġdid u din il-kundizzjoni bdiet tiġi diskussa f’Malta fl-aħħar għaxar snin.

F’konferenza nazzjonali dwar id-dimenzja li saret fil-binja tal-Parlament, l-ispeaker Anġlu Farrugia, qal li fl-2016 il-Parlament ħa deċiżjoni li jibda kampanja nazzjonali għall-għarfien tad-dimenzja. Dr Farrugia qal li jemmen li bħala pajjiż li għadna niftaħru bi prinċipji Insara, l-imħabba u l-għajnuna lejn min ikun fil-bżonn huma importanti. Kompla jgħid li s-sehem ta’ kull politiku fil-Parlament hu li jindirizza l-isfidi u l-problemi u fejn hemm bżonn jiżdiedu u jissaħħu s-servizzi għal min jeħtieġhom.

Il-Professur Scerri qal li azzjoni immedjata u parir tal-professjonisti hu importanti għax mhux kull problema fil-memorja hija dimenzja. Il-Professur Scerri qal li f’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandha d-dimenzja bil-każi mistennija jiżdiedu għal 13,000 fis-sena 2050. Qal li s-sena l-oħra d-dinja nefqet triljun dollaru Amerikan fuq din il-marda. Ma’ TVM, il-Professur Scerri tkellem fuq l-ewwel sintomi li jindikaw sinjali ta’ dimenzja.

Il-Professur Charles Scerri qal “l-iktar sintomu li ġeneralment jiġri fil-bidu huwa nuqqas ta’ memorja. Nuqqas ta’ memorja mhux kollha, imma memorja riċenti, affarijiet li ġraw ftit tal-minuti ilu, forsi ftit tas-sigħat ilu allura dawn il-persuni jkollhom problema biex jiftakru pereżempju x’kielu filgħodu bħala breakfast, però ma jkollhomx problema x’ġara 30, 40 sena ilu għax dik it-tip ta’ memorja ma tiġix int missha fil-bidu tal-kundizzjoni, allura li tara huwa li jibdew jirreptu dejjem l-istess mistoqsijiet u jirrakkuntaw dejjem l-istess ġrajjiet. Hemmhekk għandek għalfejn tieħu azzjoni. Xi ħaġ’oħra li tiġri wkoll fil-bidu hija problemi bil-komunikazzjoni, speċjalment l-użu tal-lingwa. Problemi verbali. Dawn in-nies jafu jieqfu pereżempju f’nofs sentenza. Issa dina tiġrilna lilna imma ma tiġrilniex b’mod frekwenti daqs kemm tiġri fil-persuni li jkollhom l-ewwel sintomi tad-dimenzja.”

Il-Ministru għall-Familja, drittijiet tat-tfal u solidarjeta’ soċjali, Michael Falzon, qal li konferenza bħal din tgħin biex titfassal strateġija nazzjonali biex tkun indirizzata id-dimenzja.

Aħbarijiet Oħra
Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li xejn mhu se jwaqqfu milli jkompli jiġġieled il-korruzzjoni u jikxef kif l-istituzzjonijiet jinsabu maħkuma mill-Gvern. Dr Delia qal li min għandu l-verità miegħu…

Lokali

6 kantanti Maltin minn La Voix Studios kisbu unuri kbar meta ġew fl-ewwel post f’diversi kompetizzjonijiet fil-Polonja. Ilbieraħ Beppe Camenzuli Kerr, Valentina Muscat Vassallo, Giuseppe Saliba, Rihanna Caruana, Elamay Mifsud…

Partit Laburista

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jitlob inkjesta bil-Maġistrat fuq l-allegazzjonijiet li saru dwaru, li qed jimplikaw li hemm firem foloz tiegħu sabiex ikun…

Kronaka

Mara ta’ 59 sena tinsab fil-periklu tal-mewt wara li tilfet il-kontroll tal-vettura tagħha. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4am fi Triq Santa Katerina, ix-Xewkija. Minn investigazzjonijiet preliminari illi saru mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta…

Aktar