Avjazzjoni
Sal-aħħar ta’ din is-sena r-reġistru tal-avjazzjoni mistenni li jkollu 40 kumpanija u 400 ajruplan

Bil-linja tal-ajru ġdida ‘Malta Air’ u d-deċiżjoni ta’ Ryanair li tirreġistra mas-sittin ajruplan f’Malta, tfisser li sa tmiem din is-sena r-reġistru tal-avjazzjoni Malti mistenni jkollu 40 kumpanija tal-ajru u 400 ajruplan jittajru b’liċenzja u reġistrazzjoni Maltija. Id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili, il-Kaptan Charles Pace qal li Malta m’għadhiex tattira biss jets jew ajruplani privati iżda kumpaniji tal-ajru kbar li bħal Ryanair qed jagħżlu l-ġurisdizzjoni Maltija. Qal li l-akbar żewġ sfidi għat-tkabbir tas-settur huma n-nuqqas ta’ ħaddiema u r-restrizzjonijiet mill-banek Maltin.

Bid-deċiżjoni ta’ Ryanair li twaqqaf il-Malta Air u tirreġistra madwar ħamsin ajruplan ieħor li għandha bbażati l-Italja, Franza u l-Ġermanja fuq ir-reġistru tal-avjazzjoni ta’ Malta, telgħu għal 37 il-linji tal-ajru li għażlu l-ġurisdizzjoni Maltija.

Id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace qal li l-fatt li Malta attirat l-akbar linja tal-ajru fl-Ewropa juri li Malta qed toffri servizz ta’ kwalità u jawgura tajjeb għall-ġejjieni.

Il-Kaptan Charles Pace qal “Ryanair hi waħda minn ħafna li ġew din is-sena li matulha diġà għamilna erba’ kumpaniji u għandna ħafna aktar fil-pipeline jiġifieri sal-aħħar tas-sena l-mira tagħna hi li jkollna kważi 40 AOC u 400 ajruplan u jekk tara minn fejn tlaqna sa ftit snin ilu l-ammont huwa kbir ħafna”.

Il-Kaptan Pace qal li dan qed isir bil-ħidma ta’ entitajiet differenti fosthom il-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks li kollha qed jagħrfu l-investiment, ix-xogħol u l-valur miżjud li dawn il-kumpaniji qed iħallu fl-ekonomija Maltija.

Spjega li minbarra l-liċenzji lill-kumpaniji tal-ajru, id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili jiċċertifika u joħroġ liċenzji lill-operaturi oħrajn fl-avjazzjoni bħal dawk li joffru manutenzjoni jew korsijiet ta’ sigurtà u taħriġ lill-ekwipaġġ tal-ajru.

Il-Kaptan Charles Pace qal “dan l-aħħar iċċertifikajna żewġ cabin crew training organisations li huma kumpaniji kbar li ħadmu l-Ingilterra li minħabba ċ-ċirkostanzi kellhom jitilqu, dawn bejniethom għandhom 9,000 jgħidulhom attestation li huwa ekwivalenti tal-liċenzja tal-pilota imma huma tal-cabin crew u l-courses qed isiru Malta”.

Id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili qal li minbarra nuqqas ta’ ħaddiema f’dan il-qasam, l-ikbar sfida għat-tkabbir ta’ dan is-settur hi r-restrizzjonijiet kbar li l-operaturi qed isibu mill-banek Maltin.

Il-Kaptan Charles Pace qal “inti ma tistax ikollok dawn it-tip ta’ kumpaniji hawnhekk u ma jistgħux jiftħu bank account jew biex tressaqhom għand bank trid tmur għand erbgħa min-nies partikolari”.

Il-Kaptan Pace qal li d-Direttorat jinsab f’taħditiet avvanzati ma’ żewġ kumpaniji tal-ajru oħrajn li bħal Ryanair huma interessati jirrilokaw f’Malta u kumpanija oħra Ewropea tas-sea planes li tixtieq tibbaża l-operat tagħha f’Malta.

Aħbarijiet Oħra
Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Edukazzjoni

Is-sajf wasal biex jintemm u dħalna fl-aħħar ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew l-iskejjel. Iżda x’inhuma s-sentimenti tal-ġenituri u l-istudenti dwar l-bidu tas-sena skolastika ġdida? TVM tkellem mal-ġenituri u l-istudenti. Mal-wieħed…

Lokali

Waqt l-aħħar tislima li ngħatat lil Enrica lbieraħ fil-knisja ta’ San Ġiljan, inġabru €10,000 għal Puttinu Cares. Enrica kienet tgħożż il-familja ta’ Puttinu li tant tawha kuraġġ u sabar waqt…

Edukazzjoni

The Rotary Malta Clubs are calling for applications from residents of Malta wishing to pursue a post-graduate degree. The scholarship offered to Maltese residents is worth $ 30,000 and is…

Aktar