Qasam soċjali
Sal-aħħar ta’ Jannar mad-93,000 anzjan se jirċievu żidiet fil-pensjoni

Mill-bidu ta’ din is-sena mat-93,000 anzjan bdew jirċievu ż-żieda ta’ €5 fil-ġimgħa mal-pensjoni tagħhom bħala parti mill-miżuri mħabbra fil-budget għal din is-sena.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù qal li sal-aħħar ta’ Jannar mat-93,000 pensjonant ser ikunu irċievew ż-żidiet imħabbra fil-budget mal-pensjoni tagħhom.

“Is-Sibt 9 ta’ Jannar ser ikunu qegħdin jitħallsu l-pensjonanti tal-irtirar, imbagħad fis-16 ta’ Jannar ikun imiss il-pensjonanti romol li jirċievu ż-żieda ta’ 5 Ewro fil-ġimgħa imbagħad fit 23 ta’ Jannar ikun imiss il-pensjonanti tal-invalidatà u l-pensjonanti li jieħdu l-pensjoni minima jew il-pensjoni minima miżjuda.”

Is-Sur Musù qal li mix-xahar id-dieħel se titħallas l-għotja ta’ €300 għal min għandu bejn il-75 u 79 sena u l-għotja ta’ €350 għal min għandu 80 sena jew aktar. Barra minn dawn anki l-anzjani li ma ħallsux biżżejjed bolol biex jieħdu pensjoni ser ikunu qegħdin jirċievu l-bonus.

“Dawk ukoll ser ikunu qegħdin jiżdiedu b’€50 Ewro din is-sena u jircievu ż-żieda u l-bonus dovut fis-6 ta’ Frar li ġej.”

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, is-Solidarjetà, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li b’dawn iż-żidiet il-Gvern qiegħed iwettaq il-wegħdi li għamel lill-pensjonanti u qiegħed iwettaq is-solidarjetà soċjali bil-fatti.

“Qegħdin inwettqu Budget b’26 miżura soċjali, l-impenn tagħna huwa li nwettquhom kollha u għada tidħol miżura soċjali li hija veru għall-qalbi, fejn ħa nibdew naghtu pensjoni, tista’ tgħid parti kbira minnhom huma nisa, li qatt ma kellhom pensjoni qabel. Għal dawk il-persuni li ħa ngħoddulhom il-bolol ta’ qabel id-19-il sena u jikkwalifikaw ukoll bil-bolol ta’ wara d-19-il sena, ħa jibdew jieħdu pensjoni li qatt ma kellhom, qed nagħtu għajnuna lil dawk li ma kellhomx.”

Din hija s-sitt żieda konsekuttiva li qed tingħata lill-pensjonanti, biex b’kollox qed jirċievu mill-inqas 27 ewro u 82 ċenteżmu fil-ġimgħa, bejn żieda fil-pensjoni u żieda tal-għoli tal-ħajja li ngħataw fl-aħħar 7 snin.