Saħħa
Id-Deputat Prim Ministru jagħti aġġornament dwar il-proċess tat-tilqim tal-Covid

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li sal-lum se jkunu tlaqqmu l-anzjani kollha li għandhom aktar minn 85 sena li jistgħu jmorru fiċ-Ċentri tas-Saħħa u li kienu rċivew l-ittra għall-appuntament biex jingħataw it-tilqima għal kontra l-COVID. Qal li dawk li jaqgħu f’din il-kategorija u ma rċevewx ittra b’appuntament għandhom iċemplu fuq 145. Żied li minn nhar it-Tnejn, il-ħaddiema tas-saħħa se jibdew il-proċess li jlaqqmu lil dawk li għandhom aktar minn 85 sena u ma jistgħux joħorġu minn djarhom.

Ħabbar ukoll li dawk li għandhom il-kanċer u se jibdew jingħataw il-kimoterapija fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jingħataw it-tilqima qabel ma jibdew il-proċess.
Kompla li minħabba li sa Frar, l-għadd ta’ persuni li qed jiġu mlaqqma mistennija jiżdiedu sostanzjalment, it-tilqim se jkun qed jingħata minn 10 ċentri oħra.
Dr Fearne qal dan waqt li kien qed iżur ix-xogħol fiċ-ċentru ta’ kura primarja f’Raħal Ġdid li qal mistenni jilqa’ l-ewwel pazjenti sa April tas-sena d-dieħla.