Barranin
Salvat mill-Olokawst u llum tinsab mhedda b’ħajjitha

Taljana ta’ 89 sena li salvat l-Olokawst, ġiet mogħtija l-protezzjoni mill-Pulizija, wara li rċeviet mijiet ta’ theddidiet fuq ħajjitha.

Liliana Segre, li kienet intbagħtet fil-kamp tal-konċentrament Ġermaniż, Auschwitz fl-età ta’ tlettax-il sena, spiċċat fil-mira ta’ mijiet ta’ messaġġi. Dan wara li Segre, talbet lill-parlament biex iwaqqaf kumitat li jiġġieled il-mibgħeda.

Mozzjoni li għaddiet, minkejja li ma sabitx is-sapport tal-partiti tal-lemin.

Fil-fatt, il-partit immexxi minn Matteo Salvini, il-partit Forza Italia, u l-partit Fratelli d’Italia, lkoll astjenew mill-vot, li ttieħed f’Milan il-ġimgħa li għaddiet.

Il-mozzjoni sejħet għat-twaqqif ta’ kummissjoni fl-Italja li tiġġieled kull forma ta’ razziżmu, inċitament għall-mibegħda, u vjolenza fuq bażi etnika jew reliġjuża.

Segre qalet li kienet sorpriża kif ammont ta’ partiti ma vvutawx favur din il-mozzjoni, hekk kif ħasbet li kummissjoni kontra l-mibegħda, kienet se tiġi aċċettata, talinqas fil-prinċipju, minn kulħadd. Ġara fil-fatt bil-kontra ta’ dak li emmnet hi, hekk kif ġie rrappurtat li rċeviet madwar mitejn messaġġ ta’ theddida kulljum.

Uħud minn dawn it-theddidiet kienu tant serji, li l-Maġistrat ta’ Milan, Renato Saccone, talab laqgħa urġenti mal-kumitat għas-sigurtà u l-ordni pubblika, fejn ġie deċiż li Segre kellha bżonn il-protezzjoni tal-Pulizija.

Fost il-miżuri, ġie deċiż li meta toħroġ, tkun akkumpanjata minn żewġ uffiċjali tal-Carabinieri. Dan waqt li l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Milan qal li fetaħ investigazzjoni dwar it-theddid li rċeviet.

Segre twieldet f’Milan fl-1930. Hi ħarbet mill-prosekuzzjoni Nazista fl-Italja, flimkien ma’ missierha f’Diċembru tal-1943.

Wara li fallew li jsibu refuġju fl-Iżvizzera, il-missier u l-bint intbagħtu bil-ferrovija lejn Auschwitz fil-Polonja ix-xahar ta’ wara, fejn missierha, flimkien man-nanniet tagħha inqatlu.

Flimkien ma’ priġunieri Lhud oħrajn, hi ġiet trasferita minn Auschwitz f’Jannar tal-1945, fejn ittieħdet f’kamp ieħor fil-Ġermanja. Ftit tal-ġimgħat wara reġgħet ittieħdet f’kamp ieħor, sakemm eventwalment inħelset mill-Armata Sovjetika.

Segre ġiet rikonoxxuta mill-President Taljan Sergio Mattarella f’Jannar tal-2018, fejn ingħatat it-titlu ta’ Senatur Taljan.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Il-kumpanija li qed tipproduċi l-ajruplani Boeing, qed taffaċċja problemi ġodda relatati mal-ajruplan kontroversjali 737 Max. Dan hekk kif instabu frak u fdalijiet fit-tankijiet tal-fjuwil ta’ uħud mill-ajruplani li qed jistennew…

Barranin

L-Unjoni Ewropea ddikjarat lill-Panama, is-Seychelles, Cayman Islands u Palau bħala tax havens u poġġiethom fil-lista s-sewda. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Valdis Dombrovskis, qal li dawn il-ġurisdizzjonijiet qed itappnu r-reputazzjoni tagħhom…

Barranin

Fir-Renju Unit, mara ta’ 55 sena tilfet ħajjitha wara li nġarret mill-kurrent tal-ilma kawża tax-xita qawwija minħabba l-maltempata Dennis. Ix-xita qawwija wasslet biex mijiet ta’ djar għerqu bl-għargħar. Minħabba x-xita…

Barranin

Uffiċjali tas-saħħa Ċiniżi ppubblikaw id-dettalji preliminari tal-iżjed studju estensiv dwar il-coronavirus li stħarreġ iżjed minn sebgħin elf każ tal-virus. Informazzjoni miċ-ċentru Ċiniż għall-kontroll tal-mard u l-prevenzjoni, ic-CCDC sab li iżjed…

Aktar