Politika
Salvini u Muscat jaqblu fuq strateġija għall-immigrazzjoni

Lejliet is-summit f’Malta li se jlaqqa seba’ mexxejja ta’ pajjiżi Mediterranji membri fl-Unjoni Ewropea, il-Ministru Taljan Matteo Salvini u l-Prim Ministru Joseph Muscat iddiskutew l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari fuq it-telefon.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Gvern Taljan, li fiha ntqal li d-diskursata saret bil-għan li tissaħħaħ l-istrateġija komuni fejn jidħol it-traffiku uman u l-fatalitajiet fuq il-baħar.

B’mod partikolari, kien diskuss kif l-awtoritajiet Maltin u Taljani jissokktaw bil-kollaborazzjoni immirata li tgħin lill-awtoritajiet Libjani biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ta’ salvataġġ u kontroll tal-fruntieri.

Ġie ukoll affermat mill-ġdid il-bżonn li jinfetaħ staġun ġdid Ewropew li jkun kapaċi jagħti risposti konkreti u tanġibbli, fosthom dwar pjan li jwaqqaf it-tluq tal-immigranti mil-Libja.

Intqal li għalhekk hemm qbil bejn Malta u l-Italja li jaħdmu mal-pajjiżi li minnhom jiġu l-immigranti kif ukoll il-pajjiżi li jivvjaġġaw minnhom, bil-għan li jiġu indirizzati l-problemi li jwasslu għall-migrazzjoni, u biex immigranti rregolari jkunu jistgħu jintbagħtu lura pajjiżhom.

Il-Gvern Taljan qal li ż-żewġ naħat jittamaw li l-pajjiżi Ewropej l-oħra fil-Mediterran jaqblu ma’ dawn il-pożizzjonijiet u jagħrfu jwassluhom fuq livell tal-Unjoni Ewropea, anki bil-għan li jinfluwenzaw il-programm ta’ ħidma li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea.