Lokali
San Patrizju: postu f’San Ġiljan jew band’oħra?

San Ġiljan sebaħ nadif pupilla wara lejl ta’ divertiment f’Jum San Patrizju. Il-ħaddiema tat-tindif xkupaw 15-il tunnellata ta’ skart f’ħames sigħat. Ma’ sbieħ it-Tnejn filgħodu, il-Pjazza ta’ Spinola u toroq tal-madwar f’San Ġiljan u Paceville kienu nodfa tazza wara li fil-jum tal-Ħadd kienu l-arena għal sigħat ta’ divertiment li fih spikkaw ħafna l-birra, il-mużika u l-kulur aħdar u ftit li xejn San Patrizju anke jekk iċ-ċelebrazzjoni suppost kienet f’ġieħu.

Mat-tmiem tal-attività fl-4am, il-ħaddiema tat-tindif xammru l-kmiem u f’ħames sigħat ġabru 15-il tunnellata ta’ skart li kien mifrux ma’ kullimkien wara li r-riċipjenti tal-iskart imtlew sa xfar ommhom.

John Mercieca mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni qal li f’dan t-tindif taw daqqa t’id ukoll il-ħaddiema tal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi.

John Mercieca qal “bħala xogħol kienet iktar minn snin oħra għax mid-dehra kienet iktar mifruxa – fejn drabi oħra kienet tkun konċernata iżjed fuq l-area ta’ Spinola, ta’ fejn ngħidulha aħna t-Tigullio,din id-darba infirxet iktar għax sibna ħafna iktar mis-sena l-oħra speċjalment fiż-żona ta’ Paceville u l-madwar.”

Minkejja l-folla enormi ma ġewx irrappurtati inċidenti serji u jidher li l-pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku u tan-nies imxew ħarir bil-pjani loġistiċi li saru mal-Awtorità tat-Turiżmu. Madankollu, is-Sindku ta’ San Ġiljan, Guido Dalli, qal li għar-residenti din l-attività għadha toħloq diversi inkonvinjenti.

Guido Dalli qal “il-complaints li kellna kienu s-soltu: toilets – li n-nies qed ikunu irresponsabbli wara d-djar tan-nies u l-mużika għolja li ovvjament hija inaċċettabbli. Nisperaw li sa darb’oħra naslu fi ftehim ma’ kulħadd biex ikollna mużika diċenti għall-okkażjoni.”

Huwa ssuġġerixxa li l-isbaħ tkun organizzata b’mod Irlandiż li tixraq lill-okkażjoni però qal li ma jaħsibx li ż-żgħażagħ jieħdu pjaċir, allura jridu jibbilanċjaw fejn jissodisfaw lil kulħadd.

Is-Sur Dalli stqarr li l-attività titfa’ piż finanzjarju fuq il-Kunsill. “Spiża ser tiġina xi €20,000, daħħalna €6,000 mill-istake holders. Id-differenza ma naħsibx li għandu jbatiha l-kunsill. Jekk il-Gvern jidħol għaliha u jagħmilha Ta’ Qali bil-qalb kollha imma sakemm għadha ssir f’San Ġiljan mhix daqshekk faċli li tgħid ma nagħmilhiex. Jekk ma noħorġux il-permessi, il-ħwienet xorta jorganizzawha u n-nies xorta ser jiġu” qal is-Sur Dalli.

Is-Sindku żied jgħid li għalkemm toħloq skumdità, din l-attività għandha wkoll il-lat pożittiv.

Is-sur Dalli qal “ċara li tħalli ċertu ammont ta’ introjtu għal tal-ħwienet għal tal-NGOS -tal-festa, tal-briju, tan-nar, dawn jerġgħu jonfquhom fil-festa li ssir fil-lokal, jiġifieri jgawdu r-residenti, Malta u t-turiżmu u jerġgħu jintefqu fl-ekonomija.”

Iċ-Ċermen tat-Town Centre Management ta’ Paceville, Philip Fenech kien sod fil-fehma li San Patrizju f’Malta tibqa’ ssir f’San Ġiljan.

“Ma naħsibx li għandna neħduhielhom lill-istabbilimenti kummerċjali. Jieħdu gost biha. Naturalment hija injection qabel ma jiġi l-Għid il-Kbir u jkun wara l-Milied, wara li jkun pjuttost kwiet u jagħtihom daqsxejn ta’ injection u cash flow jgħin” qal is-sur Fenech.

Naturalment San Ġiljan ser jibqa’ San Ġiljan anke jekk sena wara sena qed jiċċelebra bil-profanità kbira l-festa Irlandiża ta’ San Patrizju.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li kieku kien għall-Partit Nazzjonalista, 117,000 persuna f’21 lokalità ma kienux ser jivvutaw u ser isiru għax il-Partit Laburista ħareġ aktar…

Lokali

Għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u l-Parlament Ewropew se jikkontestaw 10 persuni b’diżabilità, disgħa għall-kunsilli lokali u wieħed għall-Parlament Ewropew. Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna qal dan huwa pass pożittiv…

Lokali

Il-Mellieħa Holiday Centre, li qabel kienet magħrufa bħala d-Danish Village, inawgurat faċilitajiet ġodda li saru b’investiment ta’ €9 miljun. Fl-inawgurazzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan hu investiment ieħor…

Mużika

Mat-300 student illum żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-Muża fil-Belt Valletta biex jiltaqgħu mal-kantanta Michela u fl-istess waqt jiksbu timbru speċjali ta’ Chameleon fuq il-passaport kulturali tagħhom. Fit-tieni attività organizzata mill-PBS…

Aktar