Alfred Sant: “Ma tawx appoġġ lili iżda lill-Partit Laburista”

Dr Alfred Sant, l-ewwel kandidat elett fil-Parlament Ewropew wara l-elezzjoni tas-Sibt li għadda, irringrazzja lil ftit inqas minn 48,000 votant li tawh l-ewwel preferenza u li fi kliemu ma tawx appoġġ lilu personali iżda lill-Partit Laburista tas-snin l-imgħoddija u l-Partit Laburista tal-lum immexxi minn Dr Joseph Muscat.

Mistoqsij jekk kienx qed ibassar li jkun elett mal-ewwel għadd b’daqstant voti, Dr Sant qal li tgħallem li fil-politika “la tistenna ħafna, la tistenna ftit u l-anqas tistenna xejn.”
Dwar f’liema kumitat jarah jaħdem fil-Parlament Ewropew, Dr Sant qal li hu jinteressaw l-affarijiet internazzjonali u ekonomiċi. Madankollu, dwar dan se jistenna direzzjoni mill-Gvern.

Dr Sant qal ukoll li dejjem emmen li l-Partit Laburista kien se jirbaħ dawn l-elezzjonijiet iżda mhux b’dan id-distakk.

Huwa qal li se jagħmel dak kollu possibbli biex jaġixxi bla waqfien skont l-interess nazzjonali u skont l-interess taċ-ċittadini u l-familji tagħhom.