Lokali
Sant’Anġlu se jintuża għar-reklami?

Kienu bosta li kkritikaw post li tellgħet Heritage Malta fuq Facebook li kienet tindika li wieħed jista’ jirriklama fuq il-Forti Sant’Anġlu.

Din il-kitba qajmet għagħa u kienu bosta li kitbu li ma jaċċettawx li l-wirt storiku ta’ Malta jintuża b’dan il-mod.

Dalgħodu l-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici kiteb fuq Facebook li ma jaqbilx li l-Forti jiġi ridott għal billboard. Il-Ministru Bonnici kiteb li jaqbel li fuq il-Forti Sant’ Anġlu, isiru projezzjonijiet kulturali waqt xi avveniment nazzjonali bħal fost l-oħrajn id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Saħaq li ma jaqbel xejn li l-Forti jintuża bħala billboard fejn min jiflaħ iħallas jagħmel reklam fuqu.

Spjega li dan qatt ma kien l-iskop ta’ Heritage Malta. TVM jinsab infurmat li l-għan ta’ Heritage Malta ma kienx li l-Forti Sant’Anġlu jintuża għar-reklami iżda li tingħata promozzjoni lil attivitajiet u inizjattivi kulturali bħal mhuwa l-proġett tal-MICAS.

Ara wkoll:

Jitnieda l-ewwel spazju internazzjonali ta’ Malta għall-Arti Kontemporanja MICAS