Barranin
Sar tabib wara li tilef lil sħabu minħabba nuqqas ta’ kura medika

Illum hu l-Jum Dinji tar-Refuġjati. In-Nazzjonijiet Magħquda qalu li fl-aħħar 10 snin, l-għadd ta’ persuni sfurzati jitilqu minn djarhom minħabba kunflitti, persekuzzjoni u abbużi mid-drittijiet tal-bniedem, irdoppja u sa tmiem is-sena l-oħra laħaq it-82 miljun u erba’ mitt elf ruħ. Erba’ minn kull għaxra kienu tfal. Kważi 70% ta’ dawk l-aktar affetwati kienu ġejjin minn ħames pajjiżi: is-Sirja, il-Venezwela, l-Afghanistan, is-Sudan t’Isfel u l-Myanmar. Malta wkoll kompliet tmiss ma’ realtajiet ta’ persuni li jħallu arthom bit-tama ta’ ħajja aħjar. Ċittadini mis-Sudan kienu l-aktar li waslu bħala immigranti u l-aktar li applikaw biex jingħataw xi forma ta’ kenn.

Samuel Dhol Ayuen qal “being a refugee, its not a punishment. It is an opportunity, to continue with your dreams outside your country.”

Samuel Dhol Ayeun ta’ 27 sena mis-Sudan t’Isfel, huwa tabib li jaħdem fi sptar fil-kapitali tal-Uganda. Tmien snin ilu ħarab mal-familja lejn l-Uganda minħabba l-gwerra ċivili f’pajjiżu. It-tifkiriet ta’ sħabu jmutu minħabba nuqqas ta’ kura medika adekwata, wassluh biex studja u laħaq tabib.

Illum jaħdem ma’ pazjenti bil-Covid-19 u pazjenti oħra. Hu u familtu huma fost il-miljun refuġjat mis-Sudan t’Isfel, li kif faqqgħet il-gwerra ċivili ħarbu lejn l-Uganda. It-tabib Ayuen jittama li jkompli jispeċjalizza fin-newrokirurġija u jixtieq li jmur lura f’art twelidu biex jgħallem bħala lettur.

Kelliema għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, il-UNHCR, qalet li l-Uganda tippermetti l-moviment ħieles u tagħti lir-refuġjati aċċess għas-servizzi pubbliċi fosthom l-edukazzjoni u s-saħħa.

“Uganda is home to about 1.5 million refugees, and that makes it the fourth-largest refugee-hosting nation in the world. This is after Turkey, Colombia and Pakistan. But it also makes it the largest refugee hosting country in Africa.”

Għall-Jum Dinji tar-Refuġjati, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li s-sena l-oħra f’Malta waslu 2,281 immigrant b’29 dgħajsa; tnaqqis ta’ 33% fuq is-sena ta’ qabel.

Is-sena l-oħra, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali rċeviet 2,482 applikazzjoni mingħand persuni biex jingħataw protezzjoni f’Malta. Tliet kwarti tal-applikanti kienu rġiel fl-etajiet bejn it-18 u l-34 sena.

Minn dawn l-applikazzjonijiet, l-aġenzija pproċessat 873 applikazzjoni. Il-maġġoranza tat-talbiet ġew miċħuda. L-aġenzija għalqet is-sena b’5,138 applikazzjoni pendenti – żieda ta’ 20.6 fil-mija fuq l-2019.

Is-sena l-oħra żdiedu l-barranin li jgħixu fiċ-ċentri miftuħa u djar oħra istituzzjonali li jilqgħu immigranti. Tmienja minn kull għaxra kienu qed jgħixu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Ir-rilokazzjoni ta’ immigranti minn Malta fi stati oħra membri tal-Unjoni Ewropea naqsu bi kważi nofs f’sena. Fl-2020 kien hemm 273 persuna li ġew rilokati minn hawnhekk. Fil-maġġoranza marru l-Ġermanja jew Franza.