Lokali
Sas-2pm 32% ħarġu jivvotaw għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u 27% għall-Kunsilli Lokali

Fl-ewwel appuntament elettorali mill-elezzjoni ġenerali ta’ sentejn ilu, il-votanti f’Malta u Għawdex illum qed jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Elettorali juru li għall-Parlament Ewropew sas-2pm ivvutaw kważi 32%. Ħames snin ilu, sas-2pm kienu vvutaw 2% aktar. Sal-istess ħin, għall-Kunsilli Lokali nxteħtu anqas voti: 27.5%.

Votazzjoni doppja għall-Maltin għax minbarra l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-poplu llum se jeleġġi l-Kunsill Lokali tiegħu. Eliġibbli jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – 332,888 persuna wara li ma nġabrux 10% tad-dokumenti tal-votazzjoni jew kwazi 39,000 vot. Fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali l-votanti eleġibbli li jivvutaw niżlu għall-341,183 wara li 21% jew kważi 92,400 vot ma nġabrux.

Dawn kienu l-ewwel elezzjonijiet għat-Tabib George Vella bħala l-Kap tal-Istat. Hu u s-sinjura Miriam Vella vvutaw fl-iskola sekondarja taż-Żejtun f’nofsinhar

Iktar qabel, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat akkumpanjat mis-sinjura Michelle Muscat ivvutaw fl-unika post ta’ votazzjoni fl-irħajjel fejn jgħixu, Burmarrad, li jifforma parti minn San Pawl il-Baħar.

Daqs siegħa qabel, għall-ħabta tad-9am, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia vvota fl-iskola Primarja tas-Siġġiewi. Għal Dr Delia, dan kien l-ewwel appuntament elettorali nazzjonali mindu nħatar fil-kariga.

Il-midja kienet mistiedna wkoll issegwi l-mexxejja ta’ żewġ partiti oħra: Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika li vvota l-Kalkara, u Norman Lowell għal Imperium Europa li vvota f’Ħ’Attard.

Din hi l-ewwel darba li dawn iż-żewġ elezzjonijiet qed jintrabtu flimkien, l-ewwel darba li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali qed isiru fil-lokalitajiet kollha f’daqqa, u għall-ewwel darba, il-polza tal-vot fiha ritratt tal-kandidati. Għall-votazzjoni tal-lum qed jintużaw b’kollox 726 kamra f’114-il post differenti, fil-maġġoranza binjiet ta’ skejjel pubbliċi. It-total ta’ kaxxi li qed jintużaw u li matul il-lejl li ġej iridu jidħlu fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar hu ta 1,451.

In-Naxxar diġà hemm il-voti tal-elezzjonijiet bikrija li saru fuq tliet ijiem għar-residenti f’San Vinċenz de Paul u 31 dar tal-anzjani, il-priġunieri eliġibbli fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, dawk li llum jinsabu msefrin jew qed iservu ta’ Assistenti Kummissjonarji Elettorali, u l-pazjenti fl-isptarijiet Mater Dei, Karin Grech, Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-postijiet tal-votazzjoni jibqgħu miftuħa sal-10pm.

 

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

F’aktar minn ħamsin sena, l-Għaqda Alkoħoliċi Anonimi għenet mijiet ta’ persuni bi problema ta’ xorb żejjed, u ħafna drabi anke lill-qraba tagħhom permezz tal-AL-ANON. TVM tkellem ma’ raġel li 27…

Infrastruttura

Għaddejin l-aħħar tħejjijiet għat-tlestija ta’ Triq Ħal Luqa, li hija l-arterja ewlenija bejn Santa Luċija u Ħal Luqa. Bejn it-Tlieta filgħodu u l-Erbgħa waranofsinhar, it-triq se tingħalaq f’direzzjoni waħda sakemm…

Trasport

Matul l-aħħar snin, Transport Malta flimkien mal-Ministeru tat-Trasport nedew diversi skemi fuq ix-xiri ta’ mezzi tat-trasport biex jonqos it-tniġġis tal-arja. Tnejn mill-iskemi li qed jagħtu riżultati huma għax-xiri tal-karozzi elettriċi…

Aktar