Għawdex
Sas-sajf li ġej jitlesta r-restawr tal-mekkaniżmu tal-arloġġ taċ-Ċittadella

Waqa’ fil-muta l-arloġġ taċ-Ċittadella f’Għawdex. Il-mekkaniżmu tal-arloġġ li għandu kważi mitejn u ħamsin sena żżarma minn postu u qed jiġi restawrat għand kumpanija ta’ arluġġara f’Għawdex stess. Il-mekkaniżmu mistenni jitreġġa’ lura f’postu f’Awwissu li ġej biex l-arloġġ jerġa jibda juri l-ħin u jindikah kull kwarta.

Fuq fomm bosta fir-Rabat Għawdex: “meta se jkun lest l-arloġġ?”

Minkejja l-avvanzi fit-teknoloġija, għal diversi Għawdxin speċjalment dawk li joqogħdu viċin jew ikunu ta’ spiss fl-inħawi taċ-Ċittadella, l-arloġġ f’tarf is-sur ifisser ħafna! L-arloġġ taċ-Ċittadella li jdoqq il-kwarti u s-sigħat baqa’ jservi ta’ gwida fil-ħajja ta’ kuljum.

Fil-bidu ta’ Jannar, il-mekkaniżmu tal-arloġġ iżżarma mit-torri tal-Bastjun ta’ San Mikiel biex jiġi restawrat. Bħalissa, jinsab fil-garaxx tal-arluġġara Ċelestina u Oliver Sciberras.

Kif jidher imnaqqax fuq il-mekkaniżmu nnifsu, l-arloġġ inħadem minn Giuseppe Muscat fl-1774. Ċelestina Sciberras spjegat li biex juri l-ħin u jdoqq, hemm persuna li trid titla’ tagħtih il-ħabel kuljum.

“Il-mażri li rajna dawk jinżlu qisu ġo shaft – kważi kważi biex ngħid hekk qisek qed tara bir fond u jibqgħu neżlin u allura darba kuljum trid tmur u terġa’ ttellagħhom lura f’posthom.”

Spjegat li ħafna mill-mekkaniżmu tal-arloġġ kien fi stat ħażin.

“Kif bdejna naqalgħu bdejt ngħid imma kif baqa’ jaħdem. Issa jew l-ammont ta’ grease, l-ammont ta’ piż li bdew iżidu, kulħadd iżid il-piż biex dan jibqa’ għaddej jibqa’ għaddej li żammu għaddej imma fil-verità kienet qed isir ħafna iktar ħsara.”

Ċelestina semmiet kif partijiet mill-mekkaniżmu xpakkaw u l-materjal rtab u ħafna mis-snien ittieklu.

“Pereżempju l-pinions kienu qed ivarjaw bejn il-qies il-proprja li jkun qatt ma ħadem għax ikun mat-tarf għan-nofs fejn ikun qed jaħdem ivarjalek pereżempju 3mm jew 4mm li għalina ħafna – għall-arloġġ huwa ħafna ħafna.”

Oliver Sciberras qal li kemm jista’ jkun se jżommu l-materjal oriġinali g]alkemm kellhom jagħmlu rikostruzzjoni ta’ xi partijiet li ttieklu u ntilfu maż-żmien.

“Bħala snien kellhom ħafna ħsara u allura aħna kellna noħolqulhom backup ta’ snien oħrajn magħhom biex jaħdmu fuq is-snien tajbin imbagħad.”

Qal li qed ineħħu wkoll passati ta’ żebgħa li ngħataw fuq il-ħadid waqt xi tiswijiet li saru fl-imgħoddi.

Ix-xogħol ta’ restawr mistenni jkun lest f’Awwissu. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex u qed isir b’b’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

81 persuna ġew immultati llum wara li nqabdu fi gruppi t’aktar minn 3 persuni. B’kollox il-multi ammontaw għal €8,100 f’inqas minn 24 siegħa. Dawn il-miżuri ttieħdu mill-Gvern biex tiġi kkontrollata…

COVID-19

Kwarantina obbligatorja b’effett immedjat fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far fejn jgħixu madwar elf resident. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħaxija. Il-Ministru Fearne qal li…

COVID-19

Wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbru li r-residenti taċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far jinsabu fi kwarantina, huma ressqu appell għal min…

COVID-19

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tliet pazjenti oħra fiequ mill-COVID-19. Dan ifisser li s’issa fiequ 5 persuni. Huwa ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet. Aktar dettalji fil-ħin li ġej.  

Aktar