Infrastruttura
Sas-sajf li ġej mistennija jkunu lesti żewġ pontijiet pedonali

Sas-sajf li ġej mistennija jkunu lesti għall-użu taċ-ċiklisti u l-pubbliku, żewġ pontijiet pedonali li qed isiru bħalissa għal żewġ toroq ewlenin fi Blata l-Bajda u qrib l-ajruport f’Ħal Luqa.Il-pontijiet qed isiru b’disinn li jaħsbu għall-aċċessibiltà bl-użu fost oħrajn b’rampi.

L-ewwel pontijiet pedonali mibnija b’rampi apposta biex ikunu jistgħu jintużaw miċ-ċiklisti jinsabu fi stadju avvanzat u Infrastructure Malta qed tistma li se jkunu lesti qabel is-sajf.  Fiż-żewġ toroq arterjali fejn se jsiru dawn il-pontijiet, fil-Blata l-Bajda u fi Vjal l-Avjazzjoni f’Ħal Luqa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-kolonni u l-binjiet li se jserrħu fuqhom il-ħadid li se jiffurmaw il-gvieret li huma kważi lesti.

L-Inġinier ta’ Infrastructure Malta, Robert Schembri qal li l-istrutturi b’għoli ta’ seba’ metri li se jżommu l-pont ta’ 34 metru f’Ħal Luqa għandhom disinn ta’ garigor. “Ħa jkun jista’ jintuża kemm mir-roti u n-nies li jkunu għaddejjin bil-mixi, fin-nofs tal-garigor, fin-nofs tal-garigor se jkun hemm aċċess bil-lift għal nies b’diżabilità jew dawk li ma jistgħux jitilgħu bir-rampa se jkun hemm lift fiż-żewġ naħat tal-pont”.

L-Inġinier Schembri qal li l-gverta tal-ħadid inġiebet f’biċċiet minn Venezja u fil-ġimgħat li ġejjin se tinġarr minn Ħal Far u titpoġġa f’postha.”Bil-pont ser jitneħħew il-pelican lights fit-triq ewlenija u traffikuża u se jintuża l-aktar minn studenti tal-ITS u dawk li jieqfu b’tal-linja u jkunu jridu jaqsmu lejn l-ajruport jew żoni fil-qrib.”

Il-pont li se jsir fejn il-Knisja tas-Soċjetà tal-Mużew fi Blata l-Bajda ġej aktar għat-tond tant li hu twil ftit aktar minn mitt metru u bħalissa qed jinbena fil-Marsa fejn qabel kien hemm l-imħażen tal-Malta Shipbuilding. Bħalissa fil-post qed jinbnew l-istrutturi li l-pont se jserraħ fuqhom.

Il-Perit Kylie Borg Marks qalet li d-disinn tal-pont jikkumplimenta l-ambjent u l-karatteristiċi taż-żona. “Dan il-pont billi qed jgħaqqad bejn area li hija iktar baxxa mill-oħra tajnih difference level jiġifieri qed nitilgħu b’rampa minn ġol-pont innifsu u din hi parti mill-aċċessibiltà li ħa tkun ħafna aħjar milli hemm illum biex wieħed jaqsam it-triq” .

Din l-istruttura se tgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Floriana. B’hekk, il-Perit Borg Marks qalet li se jinħoloq mod aktar sigur biex wieħed jaqsam din it-triq ewlenija u jitneħħew il-pelican lights li hemm bħalissa. Spjegat li dan se jwassal biex jitjieb l-aċċess għall-ħames waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm fuq naħat differenti taż-żewġ toroq.

Infrastructure Malta għaddejja wkoll bl-ippjanar ta’ pont pedonali u għar-roti simili li ser oisir fi Triq Dom Mintoff biex jiffaċilità l-aċċess bejn l-MCAST, iż-żoni undustrijali u residenzjali ta’ Kordin u l-qalba ta’ Raħal Ġdid.