Edukazzjoni
€10m għall-bini ta’ ċentru tar-riżorsi fl-MCAST

Fl-MCAST qed jinbena Ċentru tar-Riżorsi b’investiment ta’ għaxar miljun ewro li se jkun miftuħ kuljum għall-istudenti u għall-familji kollha.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici qal li ċ-ċentru se joħloq spazju fejn l-edukaturi u l-istudenti joħolqu xogħol kreattiv u innovattiv; u spazju li jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni lil hinn mill-klassi.

Sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss mistenni jkun lest iċ-ċentru ta’ riżorsi fl-MCAST, binja ta’ 2,300 metru kwadru mifruxa fuq erba’ sulari b’investiment ta’ għaxar miljun ewro b’ko-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja qal li ċ-ċentru se jkun miftuħ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u se jinkludi librerija interattiva b’tagħmir teknoloġiku modern u laboratorji għal skop ta’ riċerka. Spjega li sular minnhom se jkun iddedikat għall-istudenti li jkollhom bżonn tagħlim individwali. Minbarra hekk se jkun hemm ukoll kafetterija u spazju għall-komunità, bil-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici jgħid li dan huwa kunċett ġdid bil-għan li l-Mcast ma jattirax biss l-istudenti.

“Irridu li dan il-propett ikun aċċessibbli għall-familji li jkunu jridu jiġu hawn mir-riżorzi u opportunitajiet ta’ dan iċ-ċentru”.

Il-Professur James Calleja qal li ċ-ċentru ta’ riżorsi se jservi bħala dar l-istudent, fejn wieħed mhux biss jaħdem u jitgħallem, iżda wkoll jibni lilu nnifsu billi jiltaqa’ u jikkomunika ma’ studenti oħra fi spazju rikreattiv u rilassanti. Stqarr li biċ-ċentru se jinħoloq spazju dinamiku għat-tagħlim fejn l-għarfien u l-innovazzjoni jirnexxu.

Id-direttur eżekuttiv tal-kummissjoni għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilita’, Rhoda Garland esprimiet sodisfazzjon li l-binja nbniet ukoll b’mod li hija aċċessibbli b’tagħmir apposta mhux biss għal min għandu diżabilita’ fiżika, iżda wkoll dwal apposta għal min għandu diżabilitajiet oħrajn bħal nuqqas ta’ dawl jew smigħ.

“We have audio loops for deaf, adjustable lighting for those who need slightly darker or brighter, and the standard features, ramps and lifts are available”

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Dr Frank Fabri qal li llum l-MCAST hija istituzzjoni tal-ogħla livell li toffri edukazzjoni vokazzjonali, post-sekondarja u terzjarja. Qal li waqt li qabel, student li jmur l-MCAST kien jieħu timbru li qed jirrikorri f’din l-istituzzjoni għax falla mill-eżamijiet, ir-realtà llum hi li l-kulleġġ sar istituzzjoni edukattiva li minnha qed jikkwalifikaw studenti b’ħiliet u livelli għoljin.