COVID-19
Sat-Tnejn se jkunu waslu Malta mat-42,000 tilqima – Id-Deputat PM

Sat-Tnejn li ġej se jkunu waslu Malta mat-42,000 tilqima. Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne f’intervista li se tixxandar fil-programm Xtra llejla.  Dr Fearne qal li l-anzjani fid-djar residenzjali se jitlaqqmu sal-aħħar ta’ Frar.

Intant mil-lum bdew jitlaqqmu l-anzjani ta’ iktar minn 85 sena li jgħixu fil-komunità u li rċevew l-appuntament biex imorru jieħdu t-tilqima f’xi wieħed mill-10 ċentri tas-saħħa. Il-Ministru Fearne qal li dawn l-anzjani huwa ppjanat li jitlaqqmu sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

S’issa waslu f’Malta 26,550 doża tat-tilqima kontra l-covid, b’konsenja oħra ta’ kważi 15-il elf mingħand PfizerBioNtech mistenijja tasal f’Malta nhar it-Tnejn li ġej.

Il-Ministru Fearne qal li l-aħħar konsejna waslet it-Tnejn illi għadda u s’issa Malta rċievet biżżejjed dożi biex tlaqqam 13,275 ruħ. Żied li bil-konsejna li se tasal f’Malta erba t’ijiem oħra, b’kollox se jkunu waslu f’Malta 41 elf doża f’anqas minn erba’ ġimgħat.

Waqt il-programm XTRA Dr Fearne ta rendikont ta’ meta huwa stmat li jitlesta t-tlaqqim tal-frontliners, il-persuni f’residenzi tal-anzjani u dawk ‘il fuq minn 85 sena.

Il-Ministru Fearne spjega li dawk l-anzjani ta’ ‘l fuq minn 85 sena li ma jistgħux joħorġu minn darhom diġa bdew jiġu kkuntattjati mill-aġenti tas-saħħa pubblika sabiex tim apposta jmur jlaqqamhom f’darhom. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Fearne qal li b’hekk Malta se tibda tati mal-1,500 tilqima kuljum.

Ara wkoll:

Il-PN jitlob iktar trasparenza fit-tilqim għall-Covid-19