Ekonomija u Finanzi
AĠĠORNAT: Satabank plc jitlef il-liċenzja

L-Awtorita ghas-Servizzi Finanzjarji ħabbret li ġiet irtirata b’effett immedjat il-licenzja bankarja tas-Satabank plc. Il-ħidma bankarja tas-Satabank kienet ilha mill-2018 tiġi investigata fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna irrefera għall-irtirar tal-liċenzja bħala sinjal ieħor ta’ kif l-awtoritajiet regolatorji Maltin qed jaħdmu biex jattakkaw il-ħasil tal-flus bi flejjes kbar li għaddew minn dan il-bank għadhom miżmuma għal iżjed investigazzjonijiet.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna wera ruħu fiduċjuż li Malta ser tgħaddi mit-test bil-miżuri li qed jittieħdu skont kif rakkomandat minnhom stess. Semma bħala eżempju l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji flimkien mal-Bank Centrali Ewropew biex ġiet irtirata l-liċenzja tas-Satabank minħabba transazzjonijiet suspettati li huma marbuta mal-ħasil tal-flus.

Il-Ministru Scicluna qal li jittama li qabel Ottubru jingħalqu ċerti investigazzjonijiet dwar każi ta’ ħasil tal-flus u jitressqu l-Qorti kif qed jesiġu l-Moneyval. Huwa wera ruħu diżżapuntat li l-proceduri fil-Qorti qed jitwalu ferm aktar minn ta’ pajjiżi oħra. Il-Ministru Scicluna sostna ukoll li l-pulizija m’għandiex jibqa’ jkollha dak li sejjaħ il-monopolju fuq l-prosekuzzjonijiet. Qal li dawn jistgħu jibdew isiru ukoll mill-awtorità li tinvestiga reati ekonomiċi.

Il-Professur Scicluna qal li f’ċerti aspetti Malta hija ta’ eżempju u semma kif għadu kif irċieva ittra mill-kumpanija NIKE li tfaħħar id-dwana Maltija għal ħidma tagħha biex qabdet 35 kontainers bi prodotti foloz. Qal li anke f’dan hemm rabta bejn il-kriminalità u l-ħasil tal-flus u d-dwana Maltija qed tkun ta’ eżempju anke għal dwani oħra fl-Ewropa.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Professur Scicluna ħabbar l-estensjoni tal-moratorji fuq is-self biex f’dawn iz-zmien ta’ sfida jiġu mgħejjuna n-negozji u l-familji. Huwa qal li sal-aħħar ta’ April, il-banek irċevew applikazzjonijiet minn negozji u individwi biex jingħataw moratorju fuq dejn li jammonta mal-1,300 miljun ewro. Huwa ħabbar li qed terġa tingħata konċessjoni biex min intlaqat ħazin mil-pandemija jista’ jestendi l-moratorju b’sitt xhur oħra waqt li ser jiġu aċċettati applikazzjonijiet ġodda mill-klijenti tal-bank li minħabba ċ-ċirkustanzi ma jistgħux jonoraw minnufih l-obbligi tagħhom fuq is-self.

Il-Ministru Scicluna qal li dan qed isir biex ikompli jingħata nifs fuq id-dejn tal-passat. Qal li nofs l-applikazzjonijiet għal moratorji li ntalbu mil-banek kienu min-negozji u nofs ieħor minn individwi speċjalment fuq self għad-djar. Huwa fakkar li l-gvern permess tal-Bank Malti tal-Investiment qed joffri garanzija sa disgħin fil-mija fuq self li n-negozji jistgħu jagħmlu mal-banek. Qal li dawn huma parti mil-pakkett ta’ għajnuniet li l-gvern qed joffri bħala parti mil-pjan għar-rigenerazzjoni ekonomika li jinkludu l-posponiment tal-ħlasijiet ta’ taxxi dovuti min-negozji lil gvern.

Aktar qabel:

Il-Bank Ċentrali Ewropew irtira l-liċenzja ta’ Satabank plc b’effett mill-bieraħ fuq rakomandazzjoni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.

Fi stqarrija l-Awtorità qalet li appuntat lil Ernst & Young Limited, bħala l-persuna kompetenti biex tibqa’ tikkontrolla l-etità f’dak li għandu x’jaqasam proviżjonjiet relevanti tal-Att dwar il-banek sakemm tiddeċiedi mod ieħor l-Awtorità.

Mhux se jibqgħu jiġu rritornati depożiti tal-konsumaturi għalkemm il-persuna kompetenti se tibqa’ tipproċessa l-files tal-konsumaturi li sal-aħħar ta’ Ġunju, taw l-informazzjoni kollha biex jieħdu l-fondi lura.

Fl-istqarrija l-Awtorità qalet li l-persuna kompetenti mhux se tkun tista’ tiproċessa files fejn sal-bieraħ kien għad hemm kwistjonijiet pendenti u mhux se tkun tista’ tirrevedi informazzjoni ġdida jew addizzjonali ma’ dik li diġà ngħatat sat-30 ta’ Ġunju 2020.

Konsumaturi li ntalbu jipprovdu struzzjonijiet dwar pagamenti mill-persuna kompetenti iridu jissottomettu din l-informazzjoni mill-aktar fis u mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju 2020.

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur is-sit tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji jew iċempel fuq Freephone 80074924. Kull komunikazzjon mal-entità Satabank għandha ssir b’email fuq [email protected]

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, baqa’ f’qagħda stabbli. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li Theuma għadu fit-taqsima tal-ENT fl-isptar Mater Dei. It-Tlieta 21 ta’ Lulju 2020, Theuma nstab…

COVID-19

L-organizzaturi tal-attivitajiet li jinqabdu jiksru r-regoli tal-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex iwaqqfu l-imxija tal-Covid-19 jistgħu jeħlu multa ta’ €3,000 għal kull miżura li jiksru. Dan tħabbar illum f’avviż legali ppubblikat…

Lokali

Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, ippreżentat total ta’ €8,000 f’donazzjonijiet li nġabru waqt l-ewwel edizzjoni ta’ ‘A Night at the Palace’, lill-għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali. Waqt li…

Agrikultura

L-istaġun tal-ħsad tal-għeneb għall-għasir infetaħ mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, fil-preżenza tal-produtturi tal-inbid Malti. Il-Ministru qal li l-inbid Malti huwa wieħed ta’ kwalità għax l-industrija aġġornat maż-żminijiet. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Agrikoltura Saviour…

Aktar