Mużika
Se jdoqqu daharhom lejn sala baħħ, jispikka ġmiel it-Teatru Manoel – ‘Għajta Waħda’ nhar il-Ħadd

Ilkoll ninsabu fuq l-istess dgħajsa. Ir-realtà straordinarja li ninsabu fiha qanqlitna niġbdu ħabel wieħed. F’dawn il-jiem, bosta persuni qed juru solidarjetà ma’ xulxin u fost l-oħrajn dan l-aħħar il-mużika lagħbet rwol kruċjali hekk kif għexieren ta’ eluf ta’ persuni mal-erbat irjieħ fosthom f’Malta ħonqu l-gallarijiet u l-bjut ta’ darhom u tawha għall-kant flimkien.

F’dan l-isfond, mill-Ħadd li ġej, Festivals Malta b’kollaborazzjoni max-xandir lokali se xxandar erba’ kunċerti fuq medda ta’ erbat Iħdud. Il-kunċerti isimhom magħhom, ‘Għajta Waħda’. L-għan ewlieni tagħhom huwa li lil hinn mill-kanzunetti li mistennija jpaxxu l-widna tal-poplu Malti u Għawdxi fl-isfond ta’ għadd ta’ xenarji l-ġmiel tagħhom ta’ pajjiżna, tkompli titqanqal l-għaqda nazzjonali.

F’kummenti lil tvm.com.mt Kevin Abela, id-direttur ta’ ‘Brass House Unit’, il-band li nhar il-Ħadd se tiftaħ l-ispettaklu flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, stqarr li frott iċ-ċirkostanzi l-mużiċisti ma setgħux iħejju ruħhom flimkien bħas-soltu. Qal, li l-band ħadmet mit-Teatru Manoel, liema spazju ġie sfruttat kemm jista’ jkun bil-għan li l-mużiċisti jżommu d-distanza meħtieġa bejn xulxin. Id-direttur tal-band żied jgħid li s-sett ġie ddiżinjat bil-kontra, b’tali mod li l-artisti jkantaw fl-isfond ta’ sala baħħ. Spjega, li x’aktarx qatt ħadd qabel ma utilizza l-palk tat-Teatru Manoel b’dan il-mod.

https://www.instagram.com/p/CAKaY25nBos/?utm_source=ig_web_copy_link

‘Għajta Waħda’, produzzjoni li qed issir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Ministeru tal-Kultura, tibda tixxandar nhar il-Ħadd 17 ta’ Mejju fid-9pm fuq għadd ta’ stazzjonijiet u pjattaformi fosthom fuq TVM.

Intant, waqt l-erba’ serati se jinġabru l-fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund. Il-pubbliku mħeġġeġ jagħti sehmu permezz ta’ dawn in-numri: 50619201 (€11.65), 50618918 (€6.99) u 50617596 (€2.33).

Għajta Waħda

Għajta Waħda fuq TVM mill-Ħadd 17 ta' Mejju fid-21:00

Gepostet von Television Malta am Mittwoch, 13. Mai 2020