Kunsilli Lokali
Se jerġa’ jinkixef il-pedament tal-arloġġ f’Misraħ ir-Rebħa fi proġett ta’ riġenerazzjoni fil-Birgu

Żewġ proġetti separati fil-Birgu jaħsbu għar-riġenerazzjonni ta’ Misraħ ir-Rebħa u għall-bini tal-promenade f’Sally Port – magħruf bħala t-Toqba. F’ħarsa lejn dawn iż-żewġ proġetti, is-Sindku tal-lokalità, John Boxall qal li l-inħawi ilhom snin twal jistennew biex jiġu riġenerati biex il-Birgu jkompli jsir destinazzjoni turistika.

Misraħ ir-Rebħa fil-Birgu ra wħud mill-ġrajjiet ewlenin ta’ Malta . . . illum huwa l-post fejn in-nies tal-Birgu jiltaqgħu jgħidu kelma. F’din il-pjazza se jsir xogħol ta’ tisbieħ biex fi kliem is-sindku tal-Birgu, John Boxall, issir verament il-pjazza tan-nies u mhux il-pjazza tal-parkeġġ.

”Il-pjazza tagħna fejn jiltaqgħu n-nies dik iridu. Qed nipprovaw innaqqsu kemm jista’ jkun t-traffiku għaddej fil-ħin tal-ġurnata biex lil din il-pjazza nagħtuha nifs ġdid, arja ġdida. L-iskop tagħna li nagħmlu l-Birgu destinazzjoni speċjali turistika.”

Mistoqsi dwar il-bini mill-ġdid tat-torri tal-arloġġ, is-Sindku qal li mhux se jerġa’ jinbena u minn flok se jinkixef il-pedament fil-pjazza. Qal ukoll li se jitnaddaf il-ġibjun tal-ilma li hemm taħt il-pjazza li jesa mal-400,000 gallun ilma.

Qabel ma jibdew ix-xogħlijiet fil-pjazza se jsiru erba’ toroq li wħud minnhom jagħtu għal ġo fiha: Triq La Valette, it-tieni parti ta’ Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq San Filippu u Triq il-Miratur. Il-pjan hu li s-servizzi f’dawn it-toroq jingħadu minn taħt l-art u l-bankini qabel ma jissaħħu l-pedamenti, u se jsir wiċċ ġdid għat-toroq.

Il-proġett tal-Pjazza tal-Birgu se jsir minn Infrastructure Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu.

Sadanittant, fil-Birgu beda proġett ieħor . . . din id-darba fl-inħawi ta’ Sally Port, bejn il-Birgu u l-Kalkara magħrufa bħala t-Toqba. B’investiment ta’ 9 miljun ewro, Infrastructure Malta se tirranġa madwar kilometru ta’ spazji miftuħa minn ħdajn Villa Bighi sa Forti Sant’Anġlu.

Il-Perit Janice Borg spjegat kif ix-xogħlijiet bdew bit-tneħħija ta’ partijiet mill-istrutturi li ġarrbu ħsarat kbar f’diversi maltempati tul is-snin.

”Fil-fatt fl-aħħar maltempata kbira li saret ta’ Frar 2019 kellna anke biċċiet li kkolassaw u kellu jsir xogħol temporanju sakemm ilħaqna ġibna l-permessi biex inkunu nistgħu x-xogħol permanenti. Hemm ukoll bini mill-ġdid tal-iskall li hemm iktar ‘il fuq fiż-żona u ħa jsiru servizzi ġodda tul il-promenade kollu. Ħa jkun hawn promenade usa’ fejn ħa jkunu jistgħu jimxu n-nies.”

Il-Perit żiedet li tim ta’ għaddasa qed jirranġaw partijiet oħra mill-istrutturi tal-moll taħt l-ilma li se jinżammu biex jiffurmaw parti mill-promenade l-ġdid.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi, qal li b’dan il-proġett din il-parti tax-xatt tal-Kottonera se tinħoloq rotta diretta għall-mixi li min-naħa ta’ Bighi fil-Kalkara għall-marina tal-Birgu, l-inħawi tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, u tul ix-xatt tal-Isla.

”Huwa proġett ieħor li anke meta jkun konkluż qed naraw li dawk il-persuni li jiffrekwentaw l-area bejn il-Birgu, il-Kalkara jkunu jistgħu jagħmlu [hekk] b’mod sigur u anke b’mod li jista’ jitgawda aktar il-Port il-Kbir.”

F’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-proġett tas-Sally Port se jinkludi wkoll titjib tax-xatt tal-Kalkara u l-pjazza tal-lokalità fl-istess inħawi.