COVID-19
Se jerġgħu jibdew iż-żjarat lill-priġunieri

Min-nhar il-Ġimgħa jissoktaw iż-żjarat lill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hekk kif jintemmu l-maġġoranza tar-restrizzjonijiet marbuta ma’ COVID-19.

Fi stqarrija ngħad li bil-għan li fil-faċilità jibqgħu jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, f’dawn iż-żjarat mhux se jkun hemm kuntatt fiżiku bejn ir-residenti u l-persuni li jżuruhom. Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fisser kif filwaqt li wieħed dejjem irid ikun kawt huwa ċar li dan hu riżultat tal-pjan ta’ kontinġenza li kellha t-tmexxija tal-faċilità.

L-uffiċjali korrettivi, li ilhom madwar tliet xhur jirrapportaw għal ġimgħa ta’ xogħol konsekuttiva, ukoll se jkunu qed jirritornaw għar-rutina normali.