Qasam soċjali
Se jibda jingħata taħriġ u għajnuna qabel iċ-ċavetta ta’ post tal-‘housing’

Permezz ta’ dak li qed jissejjaħ Pjan Ġdid għall-Kura, il-Ministeru għall-Akkomadazzjoni mhux biss ser jagħti ċ-ċavetta lil dawk li applikaw għall-akkomodazzjoni soċjali, iżda anke ser jgħinhom joħorġu minn diffikultajiet li sabu ruħhom fihom. Dan ser isir bl-għajnuna tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, li permezz ta’ studju ser tipproponi diversi soluzzjonijiet.

Madwar 1,900 persuna mhux ser jingħataw biss saqaf fuq rashom mill-Awtorità tad-Djar, iżda ser ikunu mgħejjuna anke joħorġu mid-diffikutajiet li għandhom ħalli jqumu fuq saqajhom u jgħixu ħajja ta’ kwalità permezz ta’ new care plan li ser jitfassal għal dawk li applikaw għall-akkomodazzjoni soċjali.

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Dr Andrew Azzopardi, spjega li l-kwistjonijiet li jkunu għaddejjin minnhom dawn il-persuni jkorpu firxa wiesgħa. “Issa qed nagħmlu analiżi ta’ din id-data u ser nipprovdu pakketti ta’ servizz li jgħinu lill-persuna biex mhux kemm jidħol ġo post ġo housing imma jkollu l-ħiliet biex ikun jista’ jgawdi l-esperjenza li tgħix ġo dar eċċetra, imma fl-istess ħin tgħinek ukoll li jkollok stabbiltà li tkun tista’ l-ħajja tiegħek tagħtiha direzzjoni aħjar.”

Il-Minsitru Roderick Galdes qal li meta titkisser il-familja jibdew il-problemi tal-faqar u anke tiżdied il-possibiltà li wieħed ixellef difru mal-ġustizzja.

“Ħafna minnhom ġejjin mit-tkissir tal-familji , problemi ta’ vjolenza domestika jew kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, u allura għandna stampa ċara tas-sitwazzjoni. Billi inti tagħti ċavetta biss mhux ser issolvi l-problemi, jekk aħna rridu naħdmu biex innaqqsu l-faqar fil-pajjiż, jekk irridu nkomplu ngħinu biex familji jimxu ‘l quddiem u jkollhom il-mobilità soċjali, hemm bżonn ukoll tal-ħiliet bażiċi, u allura mhux biss qed nagħmlu l-akbar investiment ta’ ‘housing’ soċjali imma qabel ma nagħtu l-appartamenti lil dawn, in-nies intuhom it-taħriġ neċessarju, l-iskills bażiċi biex huma jagħmlu kambjament fil-ħajja tagħhom.”

L-istudju ser ikun iffinanzjat mill-Housing Developement Fund u ser joħloq programm li bih ser ikun żviluppat housing speċjalizzat biex dawk l-aktar li għandhom bżonn jingħataw għajnuna ħolistika.