Saħħa
Se jibda jsir it-teħid tad-demm fil-berġa rinovata ta’ Ħaż-Żabbar

Servizzi tas-saħħa li kienu jingħataw biss mill-isptar komplew jinfirxu f’aktar lokalitajiet permezz tal-bereġ li qed jiġu modernizzati.

L-aħħar berġa li ġiet rinovata hija dik ta’ Ħaż-Żabbar, fejn għall-ewwel darba beda jingħata servizz tat-teħid tad-demm għal testijiet ordnati anke mit-tobba tal-familja.

Fl-inawgurazzjoni tal-berġa fiċ-Ċentru Ċiviku ta’ Ħaż-Żabbar, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li l-mira hi li fi żmien tliet snin, f’kull belt u raħal ikun hemm berġa tas-saħħa li toffri servizzi mediċi eqreb fil-komunità.

“Dawk il-pazjenti tal-lokal li jkollhom bżonn testijiet tad-demm, anke li jkun ordnalhom it-tabib tal-familja tagħhom minflok li jmorru fl-isptar, kif kien jiġri sa ftit żmien ilu jistgħu jiġu hawnhekk id-demm jittieħed minn hawn, imur il-laboratirju u jinħadem u r-riżultat imur direttament għand it-tabib tal-familja tagħhom. Dan huwa mod ta’ kif qegħdin nidiċentralizzaw u nwasslu s-servizz tas-saħħa aktar fil-bliet u l-irħula tagħna biex il-pazjenti jinqdew aħjar,” qal id-Deputat Prim Ministru.

It-tisbiħ fil-berġa ta’ Ħaż-Żabbar sewa ‘l fuq minn €50,000. Il-berġa ta’ Ħaż-Żabbar hija fost 54 berġa li l-Gvern għandu f’Malta u Għawdex.

It-tmexxija ta’ uħud minnhom għaddiet lill-Kunsilli Lokali. S’issa l-Gvern diġa lesta t-tisbiħ tal-Bereġ tas-Saħħa ta’ Ħaż-Żebbuġ, Tal-Pietà, Ħ’Attard, tas-Sliema, iż-Żurrieq, u fetaħ berġa ġdida fix-Xewkija.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

F’żewġ każijiet separati, llum żewġt irġiel ippruvaw iweġġgħu lilhom infushom waqt li kienu miżmuma fil-lock-up tal-Pulizija. L-ewwel każ seħħ fis-sagħtejn neqsin kwart u nvolva raġel Eġizzjan, waqt li t-tieni każ…

Attività

Min-nhar l-Erbgħa sal-Ħadd li ġej it-toroq fiċ-ċentru tar-Rabat qed jilqgħu ir-raba’ edizzjoni ta’ Natalis Notabilis, l-ikbar villaġġ tal-Milied f’Malta. Fost l-attrazzjonijiet, bankarelli b’ikel tradizzjonali tal-Milied, logħob għat-tfal u produzzjonijiet tad-drama…

Politika

Ikomplu jterrqu fil-lokalitajiet u anke fuq il-mezzi tal-media biex jirbħu l-qlub u l-vot tal-attivisti Laburisti li fil-11 ta’ Jannar iridu jgħażlu bejn id-deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-Deputat Robert…

Qorti

Mara u raġel skansaw il-ħabs u ġew illiberati mill-akkużi kollha wara li appellaw minn sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati. Anne Axiak ta’ 48 sena kienet weħlet 14-il xahar ħabs u Edward Grech…

Aktar