Infrastruttura
Se jibda l-bini tal-breakwater wara stennija kbira mix-Xlukkajri

Imminenti li jibda x-xogħol biex titwettaq ix-xewqa tas-sajjieda Xlukkajri li l-Port ta’ Marsaxlokk jitkennen. F’baħar qawwi li jaqbel, mhux darba u tnejn li l-mewġ ikkaġuna ħsarat f’dgħajjes u bastimenti, jew ħalla lis-sajjieda fuq ix-xwiek bit-tama li ma jsofrux danni.

Wara snin mitlub mis-sajjieda u mwiegħed mill-awtoritajiet, parti mix-xatt fil-Ponta tal-Qrejten f’Marsaxlokk ingħalqet għall-pubbliku u bdew jaslu l-inġenji, biex fi ftit tal-ġranet oħra jibda x-xogħol għall-bini ta’ breakwater. Is-sajjieda jemmnu li bil-breakwater jista’ jkollhom ħafna aktar serħan il-moħħ għad-dgħajjes u l-bastimenti tagħhom meta r-riħ ikun qawwi ħafna minn ġo nofs il-port.

Il-breakwater b’tul ta’ mija u għaxar metri se jinbena qrib il-klabb tal-waterpolo, f’baħar fond madwar tliet metri u nofs. Il-proġett se jsir minn Infrastructure Malta u se jiswa’ madwar €2.5 miljun, fil-maġġoranza fondi tal-Unjoni Ewropea.

“Ħa jinbena minn blokok tal-konkos u jittella’ dak li nsejħulu ‘wave wall’ miegħu, u fuq quddiem tal-breakwater jitpoġġew blat u boulders kbar li l-iskop tagħhom se jkun dak li jkisser il-mewġ u jżommu milli jibqa’ dieħel fil-bajja ta’ Marsaxlokk,” qalet il-Perit Elaine Farrugia.

Il-Perit Farrugia spjegat li l-proġett jinvolvi għadd ta’ sfidi, fosthom għax jinvolvi wkoll għaddasa li jridu jkunu f’komunikazzjoni ma’ ħaddiema oħra fuq l-art, il-kundizzjonijiet tal-baħar u l-attenzjoni li trid tingħata lill-ambjent marittimu.

“Fil-fatt waħda mill-ewwel xogħlijiet li ħa naraw fuq is-sit ħa tkun dik li se titpoġġa ‘silt curtain’ biex kemm jista’ jkun nikkontjenu l-materjal u l-proċess tax-xogħol waqt l-andament tad-dredging li se jkun qed isir fuq is-sit,” spjegat il-Perit.

F’Marsaxlokk ukoll, Infrastructure Malta għadha kemm lestiet interventi fuq għaxar skali ewlenin mad-dawra tal-port li jintużaw biex is-sajjieda itellgħu jew iniżżlu d-dgħajjes tagħhom fil-baħar. Ħames skali nbnew mill-ġdid u l-oħrajn saritilhom manutenzjoni estensiva.

“Għalaqna l-iskalin min-naħa tal-baħar u xxutajniehom mill-ilma. Għamilna spezzjonijiet fuqhom biex naraw il-ħsarat li kellhom, u abbażi tal-ħsara ta’ kull skall sar intervent, fejn inbidel l-injam, il-konkos li kien ħażin ġie mibdul u ngħata konkos ġdid, ħsarat li kienu minn taħt il-baħar u t-toqob ġew mimlijin b’tali mod li l-istruttura ta’ kull skal ġiet issa aktar imsaħħa.”

Dan ix-xogħol sewa €600,000. Fuq talba tas-sajjieda, wieħed mill-iskali ġie modifikat biex jintuża minn bastimenti akbar.

Għall-bajja ta’ Marsaxlokk hemm xogħol ieħor pjanat: il-bdil ta’ puntunui tas-sajjieda fl-inħawi tal-Magħluq waqt li fil-parti ta’ ġewwa tal-bajja se jsir tħammil biex jinżamm il-fond meħtieġ għall-irmiġġ tad-dgħajjes.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Fl-għeluq it-tliet snin tat-tieni leġiżlatura Laburista, il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal li l-ġid li nħoloq qed jitqassam bejn kulħadd. Il-Perit Micallef qal li l-Gvern investa fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura biex…

Lokali

Is-servizz pubbliku kompla jifrex is-servizzi online fl-oqsma tal-enerġija, il-ġustizzja u n-negozji. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li dan huwa r-raba’ pakkett ta’ servizzi online minn mindu tnediet l-istrateġija biex…

Għawdex

Il-proġett propost tal-mina bejn Malta u Għawdex iqajjem interess b’żewġ konsorzji u żewġ kumpaniji wieġbu l-ewwel fażi tal-proċess biex urew li huma interessati li jidħlu għad-disinn, il-bini, il-manutenzjoni u biex…

COVID-19

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li mhemm l-ebda każ ġdid għal-lum ta’ Coronavirus f’Malta. Tħabbar ukoll li 14-il persuna oħra ġew imfejqa mill-virus biex b’hekk it-totla ta’ mfejqa s’iss jitla’ għal 576…

Aktar