Infrastruttura
Se jibda l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita fis-Sannat

Iffirmat il-ftehim biex jibda l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat b’valur ta’ €3.7 miljun.

Waqt l-iffirmar, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li dan huwa proġett ta’ prijorità għall-Ministeru u għall-Kunsill Lokali Ta’ Sannat għaliex il-pjazza Santa Margerita hija waħda mill-ikbar spazji miftuħa f’Għawdex.

Ix-xogħlijiet f’dan il-proġett jinkludu, fost oħrajn, il-bini ta’ culverts biex jgħaddu s-servizzi u l-ilma, pavimentar u wiċċ ġdid għall-pjazza, kif ukoll arranġament tal-parkeġġ u sistema ta’ dwal ġodda.

Din il-pjazza hija waħda mill-ikbar żoni pubbliċi f’Għawdex għaliex minbarra li fiha hemm il-knisja pittoreska ta’ Santa Margerita, il-pjazza sservi wkoll bħala triq ewlenija bejn Ta’ Ċenċ u Triq Dun Xand Aquilina.